Repubblika tiftaħ protest ġudizzjarju kontra l-Kabinett kollu fuq id-deċiżjoni li jingħalqu l-portijiet

Repubblika tgħid li d-deċiżjoni li jingħalqu l-portijiet għall-immigranti hija inumana u tikser id-drittijiet bażiċi tal-bniedem

L-Għaqda Repubblika fetħet Protest Ġudizzjarju kontra l-Kabinett kollu fuq id-deċiżjoni li l-Gvern jagħlaq il-Portijiet u li ma jkunx marbut li jsalva - il-Protest juża l-kelma 'jinjora'  - dgħajjes illi fuqhom ikun hemm immigranti. 

Repubblika tgħid li din id-deċiżjoni hija nieqsa mill-umanità u mid-drittijiet bażiċi għall-ħajja, filwaqt li  - jkompli jgħid il-protest - jinjora l-obbligi nazzjonali hekk kif mniżżlin fi Trattat ta' SOLAS.  Repubblika tgħid li l-Gvern qed jagħmel dan kollu 'mingħajr raġuni valida'

Dan il-protest tressaq wara li lbieraħ 335 akkademiku qalu li d-deċiżjoni tal-Gvern li ma jħallix dgħajjes jidħlu hija illegali.

L-akkademiċi saħqu li filwaqt li jifhmu li l-Istati Membri għandhom sfidi kbar x’jiffaċċjaw f’dan il-waqt diffiċli, fl-istess waqt is-sitwazzjoni ma tiġġustifikax il-ksur tad-drittijiet umani. 

“Id-deċiżjoni li jingħalqu l-portijiet tmur kontra l-liġi. Nikkundannaw in-nuqqas ta’ solidarjetà fost l-Istati Membri biex nirrispettaw l-obbligi morali u legali kollettivi,” saħqu l-akkademiċi.

Il-protest ta' Repubblika kien iffirmat mill-Avukati Andrew Borg Cardona, Eve Borg Costanzi u Jason Azzopardi.

More in Politika