Moratorju ta' sitt xhur fuq is-self li ħadt għad-dar, negozju u aktar ... min jista' japplika?

Moratorju fuq ħlas ta' kapital u imgħax - issa estiż għal sitt xhur.  Min jista' japplika?

 

Moratorju fuq ħlas ta' self ifisser li għal xi żmien inti tieqaf tħallas dan is-self.  Il-Gvern għadu kemm ħareġ permess biex istituzzjonijiet finanzjarji - primarjament il-banek - jagħtu  moratorju ta' sitt xhur lil dawk li ntlaqtu ħażin mill-pandemija tal-Covid-19 u allura raw id-dħul tagħhom jonqos b'mod drastiku. 

Il-Gvern kien diġa ħabbar il-possibilità ta' moratorju fuq medda ta' tliet xhur fl-ewwel pakkett ta' miżuri li ressaq. 

Illum il-Bank Ċentrali qal illi istituzzjonijiet jistgħu jagħtu moratorju fuq sitt xhur fuq il-ħlasijiet lura tal-kapital u l-imgħax.

Il-Bank Ċentrali ppreċiża wkoll illi: 

⦁ Il-moratorju ma jingħatax awtomatikament, u l-applikazzjoni ta’ min jissellef għandha ssir mal-istituzzjoni tal-Kreditu jew finanzjarja rispettiva. Il-moratorju jidħol b’effett meta l-applikazzjoni tkun approvata. Min jissellef għandu sat-30 ta’ Ġunju biex japplika. Jekk diġà bdejt moratorju offrut minn min jislef, iżda tħoss li t-termini skont id-Direttiva huma aktar vantaġġjużi, tista’ tinnegozja mill-ġdid it-termini.

⦁ L-istituzzjonijiet tal-kreditu u finanzjarji għandhom id-dritt li jirrifjutaw l-applikazzjoni sakemm dan isir skont it-termini tad-Direttiva. Madankollu, jekk jogħġbok innota li dawk li jissellfu u li għandhom ħlasijiet lura pendenti datati qabel il-1 ta’ Marzu 2020 mhumiex eliġibbli għall-moratorju.

⦁ Min jissellef jista’ japplika li joqgħod lura mill-ħlasijiet, kemm tal-kapital u tal-imgħax, għal sitt xhur sħaħ, u jista’ jagħżel ukoll li jkompli jħallas l-imgħax iżda mhux il-kapital.

⦁ Il-ħlasijiet differiti matul il-moratorju ser jitħallsu waqt estensjoni ta’ sitt xhur tat-terminu tal-faċilità ta’ kreditu. Jekk il-faċilità ta’ kreditu kienet ser timmatura fl-età tal-irtirar, il-ħlasijiet differiti għandhom jinfirxu b’mod uniformi matul it-terminu li jifdal tal-faċilità tal-kreditu wara t-tmiem tal-perjodu ta’ moratorju.

More in Politika