Kuljum taġġornana u tiftħilna għajnejna; X’inhuma l-aħħar appelli ta’ Charmaine Gauci?

Qatt mhu biżżejjed biex infakkru l-appelli li qed jagħmlu l-awtoritajiet biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19. Il-gazzetta ILLUM tħares lejn l-aħħar appelli tas-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci

Malli jdoqqu n-nofsiegħa, kulħadd qed ikun imwaħħal quddiem it-televiżjoni biex isegwi l-konferenza li tagħmel ta’ kuljum is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, biex taġġorna dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-Covid-19.

Iżda apparti l-aġġornamenti, ta’ kuljum, il-Professur Gauci twassal ukoll diversi appelli bil-għan li s-sitwazzjoni f’Malta tinżamm taħt kontroll u biex l-awtoritajiet iżommu mal-istrateġija tagħhom li jidentifikaw minn kmieni l-każijiet biex ikunu jistgħu jwettqu b’mod aktar effettiv l-iżolament tal-pazjenti u jiġu identifikati persuni oħra li setgħu ġew esposti.

Il-gazzetta ILLUM ġabbret flimkien l-aħħar appelli li għamlet il-Professur Gauci:

Ma tiflaħx? Taħsibha xejn u tmurx għax-xogħol!

Jekk għadek mhux qed taħdem mid-dar, jew ma tistax taħdem mid-dar u qed tħossok ma tiflaħx, għall-ġid tiegħek u tal-kollegi tiegħek tmurx għax-xogħol, anke jekk għandek l-iċken sintomu.

Fl-aħħar ġimgħa kellna diversi każijiet ta’ persuni li baqgħu jmorru x-xogħol bis-sintomi għax ma kinux jafu li għandhom il-coronavirus. Meta għamlu t-test kien tard wisq għax persuni oħra fuq il-post tax-xogħol ġew esposti u anke huma rriżultaw pożittiv.

F’każ minnhom seħħet dik li tissejjaħ second-generation transmission. Persuna li baqgħet tmur ix-xogħol bis-sintomi għaddiet il-virus lil tliet kollegi u dawn għaddewh lil żewġt iqraba.

Għandek sintomi ħfief? Tiddejjaqx u tibżax iċċempel il-111

Jekk ma tiflaħx mhux għax-xogħol biss ma għandekx tmur iżda lanqas ma għandek toħroġ u tiltaqa’ ma ħaddieħor.

Għal aktar minn darba, Charmaine Gauci appellat biex min iħoss xi sintomi ma jibżax iżda jċempel in-numru 111, anke jekk dawn ikunu ħfief. Anke jekk ħfief, jista’ jagħti l-każ li s-sintomi jiżdiedu.

“Jekk għandek sintomi respiratorji jew sintomi bħad-dijareja li ma jkollokx raġuni oħra għaliha, ċempel 111 biex aħna nkunu nistgħu nevalwaw il-kundizzjoni klinika u naraw kemm hija relevanti u fejn hemm bżonn nagħmlu t-testijiet,” appellat is-Supretendent tas-Saħħa.

Fil-fatt Gauci kemm-il darba saħqet li jinkwetawha mhux il-każi pożittivi iżda dawk il-każi li jibqgħu mhux identifikati għax ikun hemm min ma jitkellimx. Fi kliemha, dawn jistgħu jkunu n-nies li qed jitrasmettu l-virus.

Għamlulek it-test u ħareġ negattiv? Xorta toħroġx

Appell ieħor li tagħmel ta’ spiss Gauci huwa indirizzat għal dawk il-persuni li jħossu s-sintomi, jagħmlu t-test u dan jirriżulta fin-negattiv.

L-appell ta’ Gauci lil min imur jagħmel it-test huwa biex l-ewwel u qabel kollox jibqa’ d-dar sakemm jingħata r-riżultat. Fil-fatt, f’waħda mill-konferenzi tagħha, Gauci qalet li kien hemm min ħareġ qabel irċieva r-riżultat. "Din hija riskjuża ħafna." 

Madanakollu, tkompli tappella Gauci, anke jekk persuna tirriżulta negattiv għall-coronavirus, xorta waħda ma għandhiex toħroġ.

“Xi tip ta’ virus jew mikrobu ieħor jista’ jkun hemm u tista’ tinfetta lil ħaddieħor ukoll,” saħqet Gauci.

Ma għandux ikun hemm stigma fuq persuni li kellhom jew għandhom il-Covid-19

Hemm min qed jibża’ u din il-biżgħa qed twassal għal stigma fuq dawk il-persuni li għandhom il-Covid-19 u li jistgħu jibqgħu jġorruha magħhom anke wara li jkunu fiequ.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tkellmet ukoll dwar dan u appellat li dan ma għandux ikun għax fi kliemha, il-Covid-19 huwa virus bħal kwalunkwe virus ieħor.

“Bħalma taqbdek l-influwenza, jista’ jaqbdek il-Covid,” saħqet Gauci waqt li appellat biex il-pazjenti jingħataw l-appoġġ u mhux bil-kontra.

Tiħux riskju lanqas meta tagħmel ix-xirja

Fl-aħħar jiem, il-Professur Gauci fakkret li l-Covid-19 huwa virus li jgħix fil-bniedem u meta joħroġ mill-bniedemjista’ jdum ‘ħaj’ bejn 24 u 72 siegħa.

Fil-fatt, jekk persuna infettata tagħtas jew tisol u qtar jaqa’ fuq l-uċuh tal-affarijiet, dan faċilment jista’ jiġi f’kuntatt ma’ idejn persuni oħra.

Għalhekk li meta kienet mistoqsija mill-ġurnalisti, Charmaine Gauci appellat biex meta wieħed jagħmel ix-xirja tiegħu, anke biex iserraħ rasu, ma għandux ipoġġi l-affarijiet mill-ewwel fil-kċina.

Hemm żewġ metodi li wieħed jista’ jagħmel: jew iħalliha fil-ġenb (ovvjament oġġetti li jmorrux) u tiddaħħal fil-cupboards wara tlett ijiem jew inkella jimsaħ il-prodotti kollha bl-ilma u s-sapun qabel jiddaħħlu f’posthom.

Isserraħx rasek għax ilbist l-ingwanti! Mhux biżżejjed ... aħsel idejk

Tara ħafna persuni li qed imorru jagħmu x-xirjiet lebsin l-ingwanti. L-ingwanti mhux ħżiena iżda wieħed ma għandux iserraħ rasu għax sempliċiment liebes l-ingwanti. 

Fil-fatt, fi kliem is-Supretendent tas-Saħħa, l-ingwanti jistgħu jagħtu sens falz ta’ sigurtà. Jekk persuna tkun bl-ingwanti, tmiss xi mkien, bħal xi wiċċ tal-mejda, fejn poġġa l-virus u mbagħad tmiss wiċċha, xorta waħda hemm riskju li tittieħed.

Għalhekk, importanti aktar li persuna ma tmissx wiċċha u taħsel idejha ta' spiss.

“Jekk tuża l-ingwanti l-ħin kollu, qisek qed tuża idejk. Jekk qed tmiss wiċċ infettat u tmiss wiċċek jew lil ħaddieħor, xorta tista’ tikkontamina. L-ingwanti ġieli jagħtu sens falz ta’ sigurtà. Importanti li taħsel idejk regolari bl-ilma jew inkella bil-hand sanitizers,” spjegat Gauci.

Meta tarmi l-ingwanti u l-maskri aħseb f’ħaddieħor

Ma għandekx tarmi l-ingwanti u anke l-maskri kif ġie ġie. Is-Supretendent Gauci spjegat kif jista’ jkun hemm skart domestiku li jkun ikkontaminat bil-virus. Waħda mir-raġunijiet hija l-fatt li ħafna mill-pazjenti tal-Covid-19 qed jinżammu d-dar.

Peress li l-virus jista’ jdum “jgħix” fuq oġġetti madwar 24 siegħa u “anke aktar,” meta wieħed jiġi biex jarmi l-maskri u l-ingwanti, b’mod partikolari dawk il-persuni pożittivi għall-coronavirus, ma għandhomx jagħmlu dan mill-ewwel.

L-aħjar metodu jkun li dawn il-persuni jżommu l-maskri u l-ingwanti minn tal-inqas għal tlett ijiem u mbagħad jarmuhom f’żewġ boroż biex hekk jonqos ir-riskju tat-tixrid, inkluż għal dawk il-persuni li jiġbru l-iskart.

Toħorġux jekk mhux għal affarijiet neċessarji; Fejn possibbli aħdmu mid-dar

L-appell biex kulħadd jibqa’ d-dar huwa l-aktar appell importanti u l-aktar appell li ttenni s-Supretendent tas-Saħħa. X’jiswa li tilbes l-ingwanti, il-maskri, taħsel idejk ta’ spiss iżda l-ħin kollu tiġri barra u tiltaqa’ man-nies?

Issa l-maġġoranza tal-każi huma dawk ta’ trasmissjoni lokali u allura, fi kliem Gauci, hemm riskju li meta toħroġ tiltaqa’ ma’ xi ħadd li jkun infettat bil-virus u tkun espost għalih. Minkejja kollox, minkejja l-appelli, għad hawn min għadu qed jinjora dan l-appell.

“Naraw x’nistgħu nagħmlu mid-dar stess. Ingawdu l-familja u nevitaw li mmorru f’postijiet fejn hemm numru ta’ nies,” saħqet Gauci.

Dan l-appell jgħodd għal kulħadd, iżda b’mod partikolari għall-anzjani u l-persuni vulnerabbli bħan-nisa tqal jew persuni b’mard kroniku fost oħrajn. 

Lil dawn, Charmaine Gauci tappellalhom ħafna biex jibqgħu d-dar u lil min jgħix magħhom u anke l-kumplament tal-poplu, biex joħorġu biss għall-bżonn.

Fil-fatt, tappella diversi drabi biex min jista’, jaħdem mid-dar waqt li tħeġġeġ lil min iħaddem biex fejn possibbli, jippermetti li dan iseħħ.

More in Politika