Sitt persuni pożittivi għall-coronavirus; Charmaine Gauci tisħaq li 'għadna lura f'din il-pandemija'

B'hekk, sa issa, Malta kellha total ta' 384, li minnhom tliet persuni tilfu ħajjithom u 44 persuna fiequ

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, spjegat kif fl-aħħar 24 siegħa saru 1,008 test u minn dawn sitta rriżultaw fil-pożittiv.

B'hekk, sa issa, Malta kellha total ta' 384, li minnhom tliet persuni tilfu ħajjithom u 44 persuna fiequ. B'kollox saru 18,065

Anke jekk in-numru, għal darb'oħra kien wieħed żgħir, il-Professur Charmaine Gauci saħqet li Malta "għadna lura f'din il-pandemija," u fakkret li meta jkun hemm każi fejn l-awtoritajiet ma jkunux jistgħu jidentifikaw is-sors tal-virus f'persuna, ifisser li jkun hemm trasmissjoni lokali.

Il-każi l-ġodda huma:

  • Norveġiża ta' 40 sena li tgħix Malta. Bdiet bis-sogħla fl-24 ta' Marzu iżda dan l-aħħar żviluppat ukoll uġigħ ta' ras u għalhekk ċemplet il-111. Din il-mara, matul dan iż-żmien kollu, kienet qed taħdem mid-dar
  • Raġel min-Nepal ta' 34 sena li jaħdem Malta u ma jgħix fiċ-Ċentru ta' Ħal Far. Qed isir contact tracing mal-kollegi u l-għaxar persuni li jgħixu miegħu
  • Immigrant ta' 24 sena li jgħix fiċ-Ċentru ta' Ħal Far. Ir-residenti kollha f'dan iċ-ċentru jinsabu fi kwarantina
  • Malti ta' 59 sena. Kellu deni u uġigħ ta' ras u fil-griżmejn. Qed isir contact tracing mal-familja tiegħu u anke fuq il-post tax-xogħol
  • Malti ta' 32 sena. Kellu nuqqas ta' togħma u xamm. Kellu kuntatt ma' żewġ persuni u żewġt iqraba
  • Malti ta' 34 sena. Qed isir kuntatt mal-kollegi tiegħu tant li ħamsa tpoġġew fi kwarantina u anke żewġt iqraba tiegħu.

Żewġ pazjenti f'Monte Karmeli u anke ħaddiema

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li fl-isptar Monte Karmeli hemm żewġ persuni li rriżultaw pożittiv għall-coronavirus.

Ikkonfermat ukoll li kien hemm ħaddiema fl-istess sptar li rriżultaw pożittiv għall-coronavirus.

Qalet li saret minnufih l-investigazzjoni u anke l-contact tracing tant li kien hemm pazjenti li ġew identifikati minn dawn l-istess investigazzjonijiet.

Fejn huma l-pazjenti?

  • 17-il pazjent fl-isptar Boffa
  • 16-il pazjent fl-isptar St. Thomas
  • Żewġ persuni jinsabu fl-ITU, inkluż l-anzjan li jinsab fuq il-ventilator. Issa jinsab f'qagħda stabbli
  • 10 pazjenti oħra f'Mater Dei
  • Żewġ pazjenti f'Monte Karmeli
  • Pazjent wieħed fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex
  • Pazjent wieħed f'San Vinċenz de Paule

Il-bqija tal-pazjenti jinsabu rikoverati fid-dar tagħhom.

More in Politika