'L-ebda evidenza sa issa li l-annimali jimirdu u jxerrdu l-coronavirus' - Veterinarji

L-Assoċjazzjoni tal-Veterinarji tfakkar li sa issa ma hemm ebda riċerka konklussiva li turi illi l-annimal jista jxerred il-coronavirus ...

 L-Assocjazzjoni Maltija tal-Veterinarji fi stqarrija sostniet illi  ma hemm l-ebda evidenza li l-annimali jistghu jimirdu bil-COVID 19.  Fl-istess ħin fakkret li l-annimali ma jistgħux ixerrdu direttament il-COVID 19  u li annimali li jigu f'kuntatt ma' persuni jew ambjent kontaminat minn COVID 19 jistgħu jinfettaw persuni indirettament billi jikkontaminaw il-pil jew il-gilda taghhom. "Dan huwa l-istess mekkaniżmu li bih jista jittieħed COVID 19 minn pum ta bieb jew ħwejjeġ ta' persuni infettati."

L-Assoċjazzjoni fakkret li sa issa ma hemm l-ebda evidenza li turi trasmissjoni tal-COVID-19 minn annimali għall-bniedem. Infatti, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-Annimali (OIE)  il-metodu ta’ trażmissjoni ta’ dan il-virus jibqa' minn bniedem għal bniedem.

Jista' persuna jinfetta l-annimali tiegħu?

L-Assoċjazzjoni tispjega kif sa issa jidher li ġew ippubblikati tliet każi fejn annimali ġew ittestjati u rriżultaw pożittivi għall-COVID 19.

"Minn dawn, tnejn kienu klieb minn Hong Kong li ma wrew l-ebda sinjal kliniku ta’ mard relatat mal-COVID 19. Qattusa li sidha kien diġa kkonfermat pożittiv għall-virus wriet xi sinjali klinici. Din il-qattusa ġiet swabbjata minn sidha stess u għalhekk, għalkemm irriżultat pożittiva għall-COVID 19, jibqa dubbji dwar kontaminazzjoni tal-ambjent li seta qarraq bir-riżultat finali tat-testijiet li saru fuq dan l-annimal.

Reċentement gie rrappurtat każ ta’ tigra li rriżultat pożittiva minn żoo ġewwa New York. Dan il-każ għadu ma ġiex ikkonfermat mill-istess OIE.

L-Assoċjazzjoni tkompli billi tfakkar illi qegħdin isiru diversi studji sabiex jiġi magħruf jekk jeżistix xi mekkaniżmu li bih annimali jistgħu jiġu nfettatti bil-COVID 19. Għal dan il-għan il-laboratorji internazzjonali għamlu diversi testijiet li s'issa irriżultaw kollha fin-negattiv.

Għalhekk l-Assoċjazjoni tal-Veterinarji qed tfakkar illi l-annimali li qed jirriżultaw pożittivi huma każijiet fejn hemm kuntatt dirett u viċin ma’ pazjenti umani.

Għaldaqstant, jekk tħossok ma tiflaħx:

 - evita kuntatt dirett mal-annimali tiegħek

 - Segwi id-direttivi maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Annimali ta’ pazjenti kkonfermati pożittivi għal COVID 19 għandhom, sakemm hu possibli, iżommu l-annimali tagħhom ġewwa.

 - L-iġjene personali meta persuna tiġi f'kuntatt ma’ annimali u allura li għandhom jinħaslu l-idejn bl-ilma u sapun u jittieħdu il-miżuri kollha sabiex il-firxa ta’ dan il-virus ma tkomplix.

Jista annimal jinfetta bniedem?

Sa issa ma jirriżulta l-ebda każ jew evidenza li l-annimali qegħdin jimirdu bil-COVID 19. Ma hemm l-ebda raġuni għalfejn jista' jiġi suspettat il-possibilita' li l-infezzjoni tgħaddi minn annimal għal bniedem f'dan il-ħin.

It-trażmissjoni tal-virus tibqa dik ta’ bniedem għal bniedem.

More in Politika