Tifel ta' tliet snin fost it-tmien pazjenti ġodda tal-coronavirus f'Malta

Waħda mill-pazjenti kienet rikoverata f'Mater Dei għax kellha xi ksur meta din ħarġulha s-sintomi; Tingħalaq is-sala u l-ħaddiema jitpoġġew fi kwarantina

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li fl-aħħar 24 siegħa tmien persuna oħra rriżultaw pożittiv għall-coronavirus. Dan ifisser li b'kollox ġew identifikati 38 każ.

Fost il-pazjenti ġodda tal-coronavirus f’Malta hemm tifel Malti ta’ tliet snin li kien ġie f’kuntatt ma’ persuna oħra li fl-aħħar jiem kienet ikkonfermata li għandha l-coronavirus.

Waqt il-konferenza ta’ aġġornament li qed issir kuljum, Charmaine Gauci spjegat li l-awtoritajiet tas-saħħa kienu qed isegwu lil dan it-tifel u meta fil-15 ta’ Marzu ħariġlu d-deni, saru mill-ewwel it-test u rriżulta fil-pożittiv.

Assigurat li dan it-tifel jinsab fi stat ta’ saħħa tajba u minħabba l-fatt li l-iskejjel u ċ-ċentri tas-Saħħa jinsabu magħluqa, l-istess tifel ma kellu l-ebda kuntatt ma’ tfal oħra.

Tirriżulta pożittiv waqt li kienet Mater Dei

Waħda mill-pazjenti li rriżultat pożittiv għall-Covid-19 fl-aħħar 24 siegħa, ħarġulha s-sintomi meta kienet rikoverata fl-isptar Mater Dei għax kellha ksur. Din il-mara ma kinitx siefret, iżda fit-13 ta’ Marzu ħarġulha xi sintomi respiratorji u lbieraħ irriżultat fil-pożittiv.

Gauci spjegat li ttieħdu mill-ewwel il-passi kemm biex is-sitwazzjoni tinżamm taħt kontroll u anke biex ikun stabbilit minn fejn ħadet il-virus. Sa issa jirriżulta li kien hemm kuntatt żgħir ħafna ma’ wieħed mill-ħaddiema tas-saħħa li fl-aħħar jiem irriżulta pożittiv għall-Covid-19.

Madanakollu, Gauci kompliet tispjega li l-kuntatt kien wieħed qasir ħafna, ħafna inqas mill-15-il minuta li skont l-awtoritajiet tas-saħħa mhux biss lokali, iżda internazzjonali, huwa l-ħin minimu li fih persuna infettata tista’ tgħaddi l-virus lil ħaddieħor. 

Immedjatament il-pazjenta ttieħdet fid-Dipartiment għall-Kura tal-Infezzjonijiet u anke ġiet iżolata l-pazjenta l-oħra li kienet fl-istess kamra magħha. Din sarulha t-testijiet iżda ħareġ negatt.

Il-pazjenti l-oħra li seta’ kellhom kuntatt magħha qed ikunu mmoniterjati mill-awtoritajiet tas-saħħa biex f’każ li jkollhom xi sintomi, minnufih isirilhom it-test. 

Is-sala ngħalqet mill-ewwel għal diversi sigħat bil-għan li ma jkunx hemm firxa. Din se tibqa’ magħluqa sakemm ikun stabbilit li s-sitwazzjoni hija stabbli.

Il-ħaddiema kollha ta’ Mater Dei li ġew f’kuntatt ma’ din il-mara tpoġġew fi kwarantina. 

Bħal fil-każi l-oħra, il-kundizzjoni ta' saħħa tagħha hija tajba ħafna.

Intant kien hemm każi oħra, ikkonfermati fl-aħħar sigħat u li wħud minnhom, dwarhom, l-awtoritajiet tas-saħħa għadhom qed jinvestigaw għax mhux ċerti minn fejn dawn setgħu ħadu l-virus.

Id-dettalji tal-każi l-ġodda f'punti:

Tifel Malti ta' tliet snin

  • Kellu kuntatt ma' persuna oħra (li rriżultat pożittiva għall-Covid-19 fl-aħħar jiem)
  • Kien identifikat mill-awtoritajiet tas-saħħa
  • Fil-15 ta' Marzu kellu l-ewwel sintomu: deni u rriżulta pożittiv
  • L-iskejjel magħluqa u għalhekk it-tifel ma kellux kuntatt ma' tfal oħra

Missier u iben Taljani

  • Familja sħiħa bil-Covid-19. L-Omm irriżultat pożittiv fl-aħħar jiem
  • Il-missier mar Ruma bejn l-1 u l-5 ta' Marzu
  • Il-missier ta' 58 sena u t-tifel ta' 15-il sena ħarġulhom is-sintomi u rriżultaw pożittiv
  • Dawn kienu fi kwarantina u għalhekk ma kellhomx kuntatt

Ingliża ta' 59 sena

  • Tgħix Malta
  • Daħlet Mater Dei minħabba xi ksur fil-5 ta' Marzu
  • Fit-13 ta' Marzu bdiet taqta' nifisha. Sarulha t-testijiet u rriżultat pożittiv
  • Is-sors tal-virus għadu mhux ċert
  • Kellha kuntatt żgħir ħafna ma' ħaddiem tas-saħħa li fil-jiem li għaddew irriżulta pożittiv
  • Kienet għadha fi żmien tal-inkubazzjoni u għalhekk setgħet ittieħdet minn barra Mater Dei
  • Il-pazjenta l-oħra li kienet magħha fil-kamra tpoġġiet fi kwarantina
  • Fi kwarantina wkoll il-ħaddiema kollha tas-saħħa li ġew f'kuntatt magħha
  • Is-sala tingħalaq u l-pazjenti l-oħra qed ikunu mmoniterjati

Maltija ta' 26 sena

  • Siefret l-Ingilterra u waslet lura fit-13 ta' Marzu
  • Kienet fi kwarantina
  • Fl-14 ta' Marzu kellha s-sintomi ta' deni u uġigħ ta' ras. Sar it-test u rriżultat fil-pożittiv
  • Peress li s-sintomi ħarġu ġurnata wara t-titjira, qed isir il-contact tracing tal-passiġġieri li kienu biswit tagħha

Raġel ta' 62 sena

  • Ukoll ġie mill-Ingilterra. Kien fuq l-istess titjira mat-tfajla ta' 26 sena
  • Fil-15 ta' Marzu beda bis-sintomi
  • Kien fi kwarantina meta ħarġulu s-sintomi

Malti ta' 28 sena

  • Ma kienx imsiefer
  • Fejn jaħdem kien hemm nies oħrajn li kienu msiefra.
  • Kellu kuntatt ma' persuna li kien Sqallija imma dan ma kellu l-ebda sintomi
  • Ma kienx qiegħed imur għax-xogħol wara li żviluppa s-sintomi

Malti 52 sena

  • ​Ma sifirx
  • Lanqas ma kellu kuntatt ma' persuni li siefru jew persuni f'riskju għoli
  • Fl-10 ta' Marzu kellu deni u sogħla u ħareġ pożittiv
  • Jaħdem f'kumpanija privata u bħalissa għaddej il-contact tracing mal-impjegati
  • Is-sors għadu mhux magħruf. 
  • Ir-raġel jattendi gym. Jista' jkun li kien hemm xi ħadd infettat fil-gym

Kemm saru testijiet sa issa?

Charmaine Gauci spjegat li peress li qed isiru ħafna aktar testijiet u għalhekk qed jiżdiedu n-numru ta' każijiet pożittivi.

B'kollox saru 939 test fuq persuni li kienu msiefra, kellhom is-sintomi jew inkella li dwarhom kien hemm xi suspett.

Apparti minn hekk, saru wkoll testijiet fuq persuni li daħlu Mater Dei bi problemi respiratorji. B'kollox saru 701 test. Dawn kollha ħarġu kollha negattivi ħlief il-pazjenta Ingliża li kienet rikoverata fuq ksur.

Imġedded l-appell biex l-anzjani ma joħorġux

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tenniet l-appell tagħha biex kemm jista' jkun l-anzjani ma joħorġux għax huma l-aktar persuni vulnerabbli.

Appellat ukoll biex kemm jista' jkun, min jista' jaħdem mid-dar, jagħme dan biex kemm jista' jkun ikunu evitati postijiet iffullati.

More in Politika