L-MSC Opera mhux se jidħol Malta u l-Gvern jgħid li ma kien hemm ebda każ ta' Covid-19 fuqu

Il-Gvern ħabbar illi l-MSC Opera mhux se jkun qed jidħol pajjiżna, wara li t-tobba u infermiera heddew illi jekk jidħol jieħdu azzjoni industrijali

Il-Gvern ħabbar illi l-MSC Opera mhux se jkun qed jidħol pajjiżna, wara li t-tobba u infermiera heddew illi jekk jidħol jieħdu azzjoni industrijali. 

Sal-4:25pm, is-sit Marine Finer kien qed jindika li dan il-cruise liner jinsab fi triqu lejn Malta u dan wara li fil-Greċja, il-passiġieri nżammu fi kwarantina wara li eks passiġġier instab li kien pożittiv għall-coronavirus.

Minkejja dan, l-awtoritajiet Griegi taw il-permess lill-vapur biex ikompli jbaħħar, fejn għadda minn Korfu u għal xi mumenti kien jinsab fi triqtu lejn Malta.

Fl-istqarrija tal-Gvern ġie nnottat li skont l-informazzjoni li ngħatat lill-Gvern u t-testijiet li saru f'portijiet oħrajn, m'hemm ebda każ ta' coronavirus fuq l-MSC Opera.  "Minkejja dawn il-fatti l-Gvern Malti u l-MSC waslu fi qbil biex dan il-vapur ibiddel ir-rotta."

Iktar kmieni: Paul Pace, il-President tal-Unjin Maltija tal-Infermiera u l-Qwiebel saħaq li tkun “ġennata” jekk l-awtoritajiet jaċċettaw li l-cruise liner jidħol il-Belt.

Aktar qabel, anke Martin Balzan, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tat-Tobba, wissa b’azzjoni industrijali jekk l-MSC Opera jidħalla jidħol fil-Port.

More in Politika