'Settur f'kaos assolut ... ir-riforma saret biex il-lobby tal-kostruzzjoni jibqa' jagħmel li jrid'

Il-Moviment Graffitti jipproponi numru ta' miżuri għal riforma suret in-nies fil-qasam tal-kostruzzjoni

Il-poster li offenda lin-Nazzjonalisti preżenti
Il-poster li offenda lin-Nazzjonalisti preżenti

Il-Moviment Graffitti kkritika bl-aħrax l-istat attwali tas-settur tal-kostruzzjoni, fejn sistema sħiħa ta’ prattiki bl-addoċċ, in-nuqqas ta’ infurzar u politiki maħduma sabiex jiffavorixxu lil-lobby tal-iżviluppaturi wasslu għal traġedja oħra, din id-darba bit-telf ta’ ħajja.

“Is-settur jinsab f’kaos assolut. Kien hemm ħafna tiġrif ta’ binjiet is-sena l-oħra iżda l-lezzjonijiet li kellhom jittieħdu ġew injorati. Ġiet abbozzata notifika legali ta’ malajr u ddawret bħala riforma, iżda l-intenzjoni tagħha kien biss li l-lobby tal-kostruzzjoni tibqa’ tagħmel li trid – u l-lobby tal-kostruzzjoni għandha interess dirett li r-riformi serji jibqgħu ma jsirux. Issa qed naraw quddiemna traġedja nazzjonali, fejn mara inqatlet taħt it-tifrik ta’ darha stess.”

Il-Moviment Graffitti ħabbar ukoll sett  ta’ proposti għal bidla radikali tal-liġijiet u regolamenti fis-settur tal-kostruzzjoni, bħala parti minn sett ta’ proposti aktar wiesa’ li jittrattaw l-ippjanar, l-ambjent, l-ekosistema, it-trasport u l-proġetti fuq skala kbira. Id-dokument sħiħ, bl-isem ta’ Reforming Planning and Construction in Malta, ġie abbozzat bl-għajnuna ta’ esperti legali u tekniċi, u se jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-proposti relatati mar-regolamentazzjoni tal-industrija tal-kostruzzjoni huma kif ġej:

Ir-reġistrazzjoni tal-Kuntratturi

  • Ir-regolamentazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-kuntratturi. Jeħtieġ li jinħoloq reġistru tal-kuntratturi bi kriterji għal-liċenzjar u l-klassifikazzjoni ta’ kull kuntrattur, filwaqt li d-dispożizzjonijiet legali sabiex żviluppaturi jagħmlu kuntratti formali ma’ kuntratturi tal-bini għandhom ikunu stretti u jiġu infurzati biex tkun aċċertata l-kontabilità;
  • Il-ħolqien ta’ reġistru mmexxi mill-gvern ta’ kumpaniji ta’ żviluppaturi u kuntratturi, li effettivament jirrevoka l-ftehim bejn l-MDA u l-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini (BRO) għall-amministrazzjoni ta’ dan ir-reġistru;
  • Il-ħolqien ta’ sistema ta’ lmenti pubbliċi u ta’ reġistru ta’ dawn l-ilmenti sabiex tiġi żġurata t-trasparenza, u meta jiġu murija lmenti ripetuti, dawn għandhom iwasslu sabiex kuntrattur/żviluppatur jiġi blacklisted, permezz ta’ sistema ta’ punti penali.

Ħruġ ta’ Permessi

  • In-numru ta’ pemessi esegwiti fl-istess ħin f’żona partikolari għandu jkun limitat. Fejn il-permessi jinvolvu makkinarju u vetturi goffi għal skopijiet li jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, xogħal ta’ skavar jew twaqqigħ ta’ bini, għandu jkun impost dewmien adegwat għall-bidu tax-xogħlijiet sabiex ir-residenti ma jbatux l-inkonvenjenzi mill-ammont eċċessiv ta’ kostruzzjoni fl-inħawi fejn jgħixu;
  • Limitu fin-numru ta’ toroq magħluqin u postijiet tal-parkeġġ misruqa mir-residenti.

Saħħa u Sigurtà

  • Sett ta’ liġijiet li jimponu standards diċenti sabiex jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tar-residenti fl-inħawi qrib siti ta’ kostruzzjoni;
  • Infurzar serju tal-liġijiet li jirregolaw il-kostruzzjoni sabiex tingħata, mingħajr eċċezzjoni, protezzjoni u dinjità kemm lill-ħaddiema kif ukoll lir-residenti;
  • Emenda fil-liġi sabiex ma jkunx permess li jsir xogħol ta’ kostruzzjoni għal aktar minn tmien sigħat matul il-ġurnata, u li dan ma jibdiex qabel it-8.00 a.m.
  • L-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u l-kumpens għat-telf ta’ propjetà jew kontenut, kif ukoll appoġġ legali, psikoloġiku u loġistiku lir-residenti affetwati minn inċidenti, għandhom jitħallsu minn fond sakemm tiġi stabbilita r-responsabbiltà b’mod legali. Kull min jinstab responsabbli, ikun obbligat li jħallas lura l-ispejjeż kollha maħruġa minn dan il-fond;
  • Awditjar kontinwu tas-siti kollha tal-kostruzzjoni attivi;
  • Għandha ssir valutazzjoni tar-riskju fl-immaniġġjar tal-iskart tal-kostruzzjoni sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' materja partikulata;
  • Kwalunkwe spejjeż raġjonevoli li jagħmlu r-residenti sabiex jiżguraw is-sigurtà tagħhom għandhom jitħallsu mill-iżviluppatur.

Drittijiet tal-Ħaddiema

  • L-għoti ta’ riżorsi adegwati lill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà (OHSA) u lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) biex jiżguraw li l-ħaddiema tal-kostruzzjoni ma jkunux sfruttati. L-isfruttament tal-ħaddiema trid tkun penalizzata sew u l-kuntratturi li jisfruttaw lill-ħaddiema għandha tittieħdilhom il-liċenzja biex joperaw;
  • L-impjegaturi fl-industrija tal-kostruzzjoni għandu jiġi obbligat bil-liġi li jħallas għall-assigurazzjoni kontra l-inċidenti tal-ħaddiema tagħhom. Din il-miżura:

i. tiżgura li l-ħaddiema li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol jirċievu kumpens fi żmien qasir;

ii. tqiegħed ir-responsabbiltà fuq il-kuntratturi u l-iżviluppaturi biex jirrispettaw l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà, peress li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni mhumiex se jaċċettaw li jħallsu kumpens meta t-talbiet ikunu jikkonċernaw siti ta’ kostruzzjoni li ma jikkonformawx ma’ dawn l-istandards.

Dispożizzjonijiet Ġenerali

  • It-tisħiħ tar-riżorsi u l-poteri tal-infurzar tal-Pulizija, id-DIER, l-OHSA u l-BRO fir-rigward ta’ irregolaritajiet u prattiki perikolużi, u d-drittijiet taċ-ċittadini li jkollhom fejn jirrikorru kull meta dawn l-entitarjiet ma’ jiħdux azzjoni fuq dawn l-ilmenti.

 

More in Politika