Delia jgħid li l-Kummissarju rreżenja tard wisq u kien aċċessorju f'dak li ġara fil-pajjiż fl-aħħar sentejn

Delia semma wkoll li l-pajjiż kellu jagħti ħafna iktar importanza lill-emerġenza klimatika

Dalgħodu, f’intervista man-NET FM, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kienet tard wisq.

Hu kompla jgħid li fl-aħħar sentejn, in-nuqqas ta’ Cutajar biex jirreżnja ħalla numru ta’ konsegwenzi li setgħu kienu evitati. Ma' dan żied jgħid li dan il-Kummissarju kien sar ostakolu tal-ġustizzja.

Delia qal li l-pajjiż kellu jimxi 'l quddiem u li “rridu nagħmlu sinjal bħala pajjiż… meta jinħatar il-Kummissarju l-ġdid għandna bżonn naħtruh bħala Parlament.”

Barra minn hekk, Delia ddikjara li l-Gvern ma setax jagħmel bidliet kożmetiċi biss, iżda ried isir kontroll u bilanċ sew u ma jkunx hemm okkażjonijiet fejn persuna tkun qed tinvestiga lila nnifisha. B’żieda ma’ dan, qal li seta’ jkun possibbli li xi ħadd mill-oppożizzjoni, kif ukoll mis-soċjetà ċivili jkun involut f’dan.

Delia rrepeta l-importanza li l-Prim Ministru Robert Abela jaqra l-15-il proposta  tal-PN u li dawn il 15-il proposta għandhom jiġu implementati sabiex ikun hemm tibdil u tisħiħ tal-Parlament, tal-Midja u tas-soċjetà ċivili.

Delia kompla jgħid li waqt il-kampanja elettorali tiegħu, Robert Abela għamel kampajna ta’ kontinwità, iżda meta sar Prim Ministru, beda jibdel l-affarijiet biex jappella għal kulħadd. Minkejja dan, Delia qal li din ma kinitx problema kbira. Ma’ dan żied jgħid li anke kieku l-15-il proposta kienu ta’ xi ħadd ieħor, xorta kien jaqbel magħhom.

Għaldaqstant Delia sostna li għandu jkun hemm ħidma kollaborattiva bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex jiġu attwati l-proposti msemmija.

Delia kkonkluda l-intervista tiegħu billi tkellem fuq l-emerġenza klimatika u li l-Gvern, kif ukoll il-pajjiż, għandu bżonn jagħmel ħafna iktar milli qed jagħmel bħalissa biex ma jkunx tard wisq kemm għall-pajjiż kif ukoll għall-bqija tad-dinja u biex il-ġenerazzjonijiet futuri ma jsofrux minħabba dan.

More in Politika