'Persważ li f’Malta nistgħu niżviluppaw in-niċċa ġdida ta’ aircraft leasing' il-PM Muscat

Se jkun qed jitħabbar daqt il-proġett ta’ Malta f’dan il-qasam

“Permezz ta’ task force, għall-aħħar sena konna qegħdin naħdmu biex inlestu l-aħjar ambjent u infrastruttura biex bħala pajjiż niftħu għan-niċċa ekonomika ġdida tal-aircraft leasing. Persważ li f’Malta nistgħu niżviluppaw dan is-settur.”

Stqarr dan il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza l-konferenza MACE, il-Konferenza Maltija tal-Avjazzjoni li qed tiltaqa’ f’lukanda l-Furjana.

Il-Prim Ministru saħaq li madwar id-dinja n-numru ta’ kumpaniji li għandhom ajruplani għall-kiri jeċċedi d-9,000, aktar mill-kumpaniji tal-ajru maġġuri, dan juri l-kobor ta’ dan is-settur.

Il-miri tagħna għal din l-industrija huma ambizzjużi imma realistiċi u se jwasslu sabiex Malta ssir it-tieni pajjiż Ewropew li toffri ġurisdizzjoni għal dawk il-kumpaniji li jaħdmu fis-settur tal-kiri tal-ajruplani. Dan se jwassal għal aktar tkabbir ekonomiku, aktar dħul għal gvern u aktar impjiegi. Se nkunu f’pożizzjoni li nħabbru dan il-proġett fil-futur qarib, tenna Muscat.

Il-Prim Ministru semma diġà diversi branki tal-avjazzjoni li bħalissa diġà joperaw minn pajjiżna fosthom ir-reġistru tal-ajruplani li llum ilaħħaq kważi l-400 ajruplan, is-settur tat-tiswija tal-ajruplani, il-calls centres, il-loġistika u t-taħriġ tal-ekwipaġġi fost oħrajn.

Jien konvint li dan is-settur se jkompli jikber f’pajjiżna, temm jgħid Muscat.

More in Politika