L-aħwa Degiorgio jibqgħu jinsistu li d-drittijiet tagħhom qed jinkisru

L-aħwa Degiorgio b'rikors kostituzzjonali ieħor

F’rikors kostituzzjonali l-aħwa Alfred u George Degiorgio, li flimkien ma’ Vince Muscat qed ikunu akkużati bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia saħqu li d-dritt fundamentali tagħhom għal proċess ġust ġie bir-rapport ta’ Peter Omtizgt.

Il-Kunsill tal-Ewropa kien ħatar lil Pieter Omtzigt bħala rapporteur speċjali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa  (PACE).
Fir-rikors ippreżentat dalgħodu l-avukat tagħhom William Cuschieri argumenta li Omtzigt ħejja r-rapport tiegħu taħt l-assunzjoni li l-aħwa  kienu ħatja tal-qtil u li aġixxew taħt il-kmand ta’ persuni terzi.

Cuschieri argumenta li d-dikjarazzjonijiet ta’ Omtzigt tħejjew bl-għan li  jġiegħlu lill-pubbliku jemmen li l-imputati kienu ħatja tal-qtil ta’ Caruana Galizia, u b'hekk kisret il-preżunzjoni tal-innoċenza tagħhom.

“Dan l-indħil mhux aċċettabbli f'soċjetà demokratika,” qal Cuschieri filwaqt li talab lill-Qorti biex tiddikjara l-ksur li sar u biex tagħti l-ordnijiet meħtieġa biex jipproteġu d-drittijiet tagħhom, inkluż l-għoti ta’ kumpens.

Dan huwa wieħed mid-diversi każijiet kostituzzjonali li fetħu l-aħwa fuq allegat ksur tad-drittijiet tagħhom. Ta’ min jinnota iżda, li l-arrest tat-tlett iirġiel akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia jiskadi f’Awwissu u għalhekk jekk ma jkun preżentat att ta’ akkuża fil-konfront tagħhom, l-irġiel iridu jiġu meħlusa mingħajr ma jkunu taw ix-xhieda tagħhom fil-Qorti.

More in Politika