Ħabib ta' Scicluna u Fenech jgħid li sħabu ma rreaġixxewx meta tajru immigrant

Il-Qorti tiddikjara li hemm biżżejjed provi biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta' akkuża

Iż-żewġ suldati akkużati bil-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane f’April li għadda, reġgħu dehru l-Qorti llum hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza li matulha ġie ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex l-akkużati jitpoġġew taħt att ta' akkuża.

Lorin Scicluna ta’ 22 sena u Francesco Fenech ta’ 21 sena, qed ikunu akkużati bil-qtil ta’ Lassana Cisse, bl-attentat ta’ qtil ta’ żewġ suldati oħra u li aktar kmieni din is-sena saqu għal fuq immigrant ieħor.

Fil-fatt, dalgħodu fil-Qorti xehed ħabib taż-żewġ persuni akkużati li kien magħhom fil-karozza dakinhar tal-hit-and-run.

Ix-xhud iddeskriva lil Scicluna bħala dilettant kbir tal-karozzi u tal-armi tan-nar.

Beda jiġi mistoqsi mill-Prosekuzzjoni jekk iż-żewġ akkużati dehrux inkwetati meta tajru apposta lill-immigrant, bix-xhud jisħaq li “kienu normali.”

Qal li Scicluna ma jistax għall-immigranti u kif qalet it-tfajla ta’ Scicluna stess lill-Pulizija, ikkonferma li jaħseb li hawn wisq immigranti u għad jaslu biex jieħdu l-Malta f’idejhom.

Insista li Fenech igerger ħafna ukoll u ta’ spiss jilmenta li qed “jinvaduna.”

Telgħu Ħal Far u qabdu joffendu immigrant b'missieru

Spjega kif darba marru għall-kaċċa f’Ħal Safi u qabdu ma’ immigrant li kien qed isuq rota. Qal li bdew joffenduh b’missieru u dan irritalja, niżel minn fuq ir-rota u beda jwaddab il-ġebel lejn il-karozza ta’ Scicluna.

Dan il-ħin waqqfu mill-karozza u niżlu minnha, b’dan ix-xhud, li l-Qorti wissietu li jistgħu jibdew proċeduri kontrih, ammetta li qabad ir-rota tal-immigrant u beda jaqbeż fuqha.

Kien hawn li l-Prosekuzzjoni staqsietu dwar il-hit-and-run, iżda d-Difiża insistiet li l-mistoqsijiet huwa wisq diretti.

Jidher ukoll li Scicluna kellu l-pjanċi tar-reġistrazzjoni misruqa ftit qabel dan il-każ u kien għalhekk li xtara sett ieħor li kienu mpoġġija mal-ħġieġ tal-karozza. Ix-xhud qal li kienu qabduh idawwarhom wiċċhom il-ġewwa.

Scicluna kien arrestat waqt parata tal-armata

Xehed ukoll kuntistabbli tal-Pulizija li rrefera għall-ħafna mid-dettalji li ngħataw il-Qorti l-ġimgħa li għaddiet, fosthom dwar il-karozza ta’ Scicluna.

Qal ukoll li Lorin Scicluna kien arrestat quddiem sħabu s-suldati waqt parata tal-Armata.

Aktar kmieni kompla jixhed ukoll l-Ispettur Keith Arnaud li qed imexxi l-prosekuzzjoni li spjega kif Francesco Fenech qiegħed jiċħad dettalji li kkonferma u ammetta Scicluna.

Fost dawn qed jisħaq li l-windscreen tal-karozza ma kienx infaqa kawża tal-hit-and-run iżda għax kienu ħabtu ma’ centre-strip.

Ċaħad ukoll li kienu jmorru jisparaw fuq il-qtates iżda ammetta li kienu jmorru Ħal Far jaqbdu mal-immigranti.

Fis-seduta li jmiss ikun stabbilit jekk il-ġisem tal-vittma jistax ikun irrilaxxat għad-difna

Intant, il-Qorti kienet mitluba wkoll biex tordna li l-ġisem ta’ Lassana Cisse Souleymane jkun irrilaxxat.

Il-Maġistrat Ian Farrugia ordna biex numru ta’ individwi jidhru fis-seduta li jmiss biex ikun stabbilit jekk il-ġisem għad hemmx bżonnu għall-investigazzjoni.

More in Politika