Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li minkejja li r-Renju Unit ingħata estensjoni akbar għal Brexit, għad hemm il-possibbiltà li dan iseħħ mingħajr ftehim.
Kien għalhekk, li fi stqarrija ministerjali, il-Prim Ministru insista li l-preparamenti għal din l-eventwalità u li qed jiġu koordinati mis-Segretarjat tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza għandhom ikomplu.
Il-Prim Ministrun fakkar li l-ġimgħa li għaddiet fil-Gazzetta tal-Gvern ġiet ippubblikata leġiżlazzjoni sussidjarja li tidħol fis-seħħ f’każ ta’ tluq bla ftehim u li permezz tagħha se jiġu protetti d-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit f’Malta.
“Dan sar jimplimenta l-impenn li għamilna aktar kmieni din is-sena u jserraħ moħħ numru kbir ta’ ċittadini tar-Renju Unit f’Malta. Qed insegwu wkoll l-implimentazzjoni tal-iskema tas-settled u tal-pre-settled status li qed tiġi implimentata mir-Renju Unit biex jiġu protetti l-Maltin fir-Renju Unit,” saħaq il-Prim Ministru.
Apparti minn hekk, kompla jispjega Muscat ġiet ippubblikata wkoll leġiżlazzjoni sussidjarja li ddaħħal emendi li jiżgura li f’każ li r-Renju Unit ma jkunx membru tal-UE fid-data tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, iċ-ċittadini tar-Renju Unit f’Malta ma jkollhomx dritt jivvutaw f’dawn l-elezzjonijiet.
Qal ukoll li qed tiġi ffinalizzata l-ħidma dwar l-att dwar il-kunsilli lokali biex iċ-ċittadini tar-Renju Unit jżommu d-drittijiet tagħhom f ‘dawn l-elezzjonijiet.
“Dan hu biss però x-xogħol leġizlattiv. Għadha għaddejja wkoll il-ħidma minn diversi entitajiet tal-gvern biex isiru preparamenti għal kull eventwalità,” saħaq il-Prim Ministru.
Semma ftit eżempji fosthom il-ħidma:
- Bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Awtorità tal-Mediċini dwar il-prodotti mediċinali;
- Fid-Dipartiment tad-Dwana permezz ta’ korsijiet għal min jesporta u jimporta minn u lejn ir-Renju Unit kif ukoll biex jimplimentaw ir-regoli tad-Dwana f’dak li għandu x’jaqsam ma’ spezzjonijiet; u
- fil-Forzi tal-Ordni biex isiru aġġustamenti għall-mod kif tiġi skambjata l-informazzjoni u jkun hemm kooperazzjoni mar-Renju Unit.
Kompla jfakkar li din il-ħidma tikkumplimenta dak li sar fuq livell Ewropew fejn ġew konklużi 18 minn 19-il proposta leġiżlattiva proposti mill-Kummissjoni Ewropea f’Diċembru li għadda.
Minkejja li l-Prim Ministru Theresa May kienet talbet estensjoni sat-30 ta’ Ġunju 2019 biex jiġi ratifikat l-Arranġament tat-Tluq mill-UE, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea qablu unanimament li jagħtu estensjoni sal-31 ta’ Ottubru 2019.
Madanakollu ir-Renju Unit jista’ jitlaq f’data aktar kmieni jekk l-arranġament jiġi ratifikat qabel.
Jekk ir-Renju Unit ma jkunx għadu rratifika l-arranġament sat-22 ta’ Mejju, se jkun obbligat jorganizza l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew skont il-liġijiet tal-UE biex jingħata din l-estensjoni u f’każ li dan ma jseħħx, id-data tat-tluq tkun l-1 ta’ Ġunju 2019.