215-il flixkun inbid illegali u li jiswa l-flus jinstabu f'ristorant f'Marsamxett

Sid ir-ristorant seta' kien qiegħed idaħħal l-inbid hu jew inkella jixtrih mingħand min kien qed jimporta bil-kuntrabandu

215-il flixkun ta’ inbid illegali nstabu f’ristorant fil-Port ta’ Marsamxett u li kienu lesti biex jinbiegħu.

L-inbid instab wara ġimgħat ta’ investigazzjoni mill-JET, magħmul minn Uffiċjali tad-Dwana mit-Taqsima tal-Infurzar, u minn Spetturi tat-Taxxa fid-Dipartiment tat-Taxxa.

Minn din l-investigazzjoni, irrizutaw numru ta’ indikaturi li kollha ssuġġerew li sid dan ir-ristorant seta’ kien qiegħed:

  • jew idaħħal hu inbejjed fil-pajjiż, uħud minnhom ta’ kwalità għolja ħafna u li jiswew il-flus, mingħajr ma jħallas it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, kif ukoll id-Dazju tas-Sisa; u 
  • jew kien qiegħed jixtri, mingħand min kien qed jimporta bil-kuntrabandu, kwantità ta’ nbejjed u jitfagħhom fis-suq.

Ir-rwol tal-JET, hu li tagħmel investigazzjoni intelliġenti u tanalizza ħafna data li ż-żewġ Dipartimenti jippossjedu. Meta jinstabu biżżejjed indikaturi li qed isir evażjoni fiskali, dawn l-investigazzjonijiet jiġu lkumplimentati bi spezzjonijiet f’postijiet diversi, bhalma ġara f’dan tmiem il-ġimgħa.

Fuq investigazzjonijiet li saru mill-JET, il-kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tad-Dwana u d-Dipartiment tat-Taxxi ser tkompli tieħu dimensjoni akbar, hekk kif ser jiżdiedu l-ispezzjonijiet.

More in Politika