Filmat | 'Qed ittawlu l-proċess apposta'...Graffitti jimmarċjaw sa quddiem il-Ministri

ll-Ministru Borg iwiegħed lill-attivisti li l-politika l-ġdida dwar il-bini tal-pompi tal-petrol se tkun ippubblikata għall-konsultazzjoni pubblika f’April

Andre Callus jindirizza lill-Ministru Ian Borg f'isem il-Moviment Graffitti
Andre Callus jindirizza lill-Ministru Ian Borg f'isem il-Moviment Graffitti

Attivisti minn Moviment Graffitti mxew bi protesta minn quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar fejn ikkampjaw matul il-lejl lejn il-Ministeru tat-Trasport fil-Furjana biex isemmgħu leħinhom kontra l-bini ta’ pompi tal-petrol f’ODZ.

Hemmhekk sabu jistennewhom lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, lill-Ministru għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima José Herrera u anke lis-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Chris Agius.

“Il-ġenerazzjonijiet futuru se jkunu qed iżommu lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura responsabbli,” saħaq Andre Callus f’isem il-Moviment waqt li ppreżenta ittra lill-Ministru Ian Borg.

Il-Ministru Borg stieden lill-attivisti biex jidħlu ġewwa iżda huma ppreferew jitkellmu mal-ministri barra quddiem il-binja.

Huwa spjega lill-attivisti li l-Gvern beda immedjatament ir-reviżjoni tal-politika dwar il-bini tal-pompi tal-petrol waqt li insista li qabel tkun approvata, din trid tgħaddi mill-proċessi kollha.

Kompla jisħaq li dan il-Gvern se jkun dak li biddel il-politika dwar il-bini tal-pompi tal-petrol waqt li insista mal-attivisti li r-reviżjoni tinsab fi stadju avvanzat.

Wiegħdhom li l-politika l-ġdida se tkun pubblika għall-konsultazzjoni pubblika f’April.

Min-naħa tiegħu Callus staqsa għalfejn dan il-proċess qed jieħu fit-tul waqt li akkuża lill-Ministri li qed itawwlu apposta l-proċess biex l-Awtorità tal-Ippjanar tkun tista’ tibqa’ tipproċessa l-applikazzjonijiet għal bini ta’ pompi tal-petrol kbar.

More in Politika