Brexit | Theresa May titlef għal darba oħra vot dwar il-Ftehim tal-Irtirar

344 Deputat vvutaw kontra, filwaqt li 286 ivvutaw favur

Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May tilfet għal darb'oħra vot dwar il-Ftehim tal-Irtirar dwar Brexit anke jekk id-distakk bejn dawk favur u dawk kontra kienu naqas sostanzjalment.

Fil-fatt kienu 344 Deputat li vvutaw kontra, filwaqt li 286 ivvutaw u dan minkejja li wiegħdet lid-Deputati tagħha li kienu qed jopponi l-ftehim tagħha li lestha tirriżenja jekk il-ftehim jgħaddi.

Theresa May, fid-diskors immedjat tagħha, saħqet li dan il-vot jista' jkollu "implikazzjonijiet gravi" għax skontha jista' ma jkunx hemm biżżejjed żmien biex il-Parlament jilleġiżla kontra Brexit bla ftehim fit-12 ta' April.

Immedjtament wara dan il-vot, Il-Kap tal-Oppożizzjoni Ingliż Jeremy Corbyn saħaq li issa r-Renju Unit għandu ċans li jinnegozja ftehim aħjar filwaqt li sejjaħ għar-riżenja ta' May u biex issir elezzjoni ġenerali.

Min-naħa tiegħu, wara l-vot, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk saħaq li sejjaħ laqgħa tal-Kunsill għal 10 ta' April.

Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea kienu qablu li Brexit ikun pospost sat-22 ta' Mejju jekk May jirnexxielha tikseb il-fiduċja tal-maġġoranza tal-Parlament.

Iżda issa r-Renju Unit għandu żewġ għażliet. Jew jitlaq bla ftehim fit-12 ta' April, xi ħaġa li l-Parlament Ingliż kien ivvota kontra jew inkella May trid tmur lura Brussell qabel it-12 ta' April biex titlob estensjoni itwal u li jfisser li r-Renju Unit ikollu jieħu sehem fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. 

Il-vot ittieħed fl-istess ġurnata li suppost kellha tfisser it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.

Agħfas hawn biex taqra aktar dwar il-Ftehim tal-Irtirar li l-Parlament Ingliż ma jistax jaqbel dwaru.

More in Politika