Illum kemm jseħħ Brexit...minflok il-Parlament se jerġa' jivvota dwar parti mill-ftehim ta' May

Theresa May lestha tirriżenja biex ikun Prim Ministru ieħor li jmexxi t-taħdidiet

Il-Prim Ministru Ingliż Theresa May se tipprova għat-tielet darba titlob lill-Parlamentari Ingliżi biex din id-darba jaċċettaw parti mill-ftehim li hi nnegozjat mal-Unjoni Ewropea u dan fl-istess ġurnata li kellu jseħħ Brexit.

Jekk lanqas din il-parti tal-ftehim ma tkun approvata, ir-Renju Unit jista’ jiffaċja Brexit mingħajr ftehim jew inkella ngħata ċans li jippreżenta pjan ieħor u Brexit jerġa’ jkun pospost.

Dan ikun ifisser li r-Renju Unit ikollu jieħu sehem fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ Mejju li ġej.

Madanakollu, jekk din il-parti tal-ftehim, li titkellem dwar ir-relazzjonijiet politiċi futuri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, tkun approvata, dan ikun biżżejjed biex il-Gvern Ingliż ikun jista’ jitlob estensjoni oħra għal Brexit.

Il-Partit Laburista ma ċċaqlaqx mill-pożizzjoni tiegħu u ddikjara li se jkun qed jivvota kontra.

Anke jekk Deputati oħra mill-istess partit ta’ May għadhom xettiċi dwar dan il-ftehim u mistennija jerġgħu jivvotaw kontra, kif se jagħmlu wkoll dawk tal-partit DUP li miegħu May daħlet f’koalizzjoni, ir-riżultat mhux mistenni jkun diżastruż daqskemm kien fl-aħħar żewġ votazzjonijiet

Intant, aktar kmieni din il-ġimgħa, Theresa May saħqet li mhux se tkun qed tmexxi hi t-taħdidiet ma’ Brussell dwar ir-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea u se tkun qed tirriżenja wara t-22 ta’ Mejju jekk il-ftehim tagħha jkun approvat.

May qalet li lesta tirriżenja minnufih minn mexxej tal-partit tagħha u żżomm postha bħala Prim Ministru sakemm ikun elett mexxejn ġdid.

Filwaqt li jidher li pperswadiet xi Deputati minn tagħha li kienu favur Brexit, fadlilha madwar 75 Deputat ieħor x’tipperswadi biex taqleb it-telfa ta’ 149 vot li ġarrbet fit-13 ta’ Marzu.

More in Politika