Pass 'il quddiem għal-liġi ġdida li tindirizza l-immigrazzjoni u l-kriminalità bejn il-fruntieri

Din il-liġi nkitbet u ġiet innegozjata mill-Ewroparlamentari Roberta Metsola

Dalgħodu, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim proviżorju fuq liġi ġdida tal-Unjoni Ewropea dwar il-gwardji tal-kosta u l-fruntieri.

Din il-liġi nkitbet u ġiet innegozjata mill-Ewroparlamentari Roberta Metsola.

Fi ftit kliem, din il-liġi se tfisser żieda ta’ 10,000 gwardji tal-kosta u l-fruntieri ġodda, kif ukoll persuni li se jitpoġġew mal-fruntieri tal-Ewropa fi sforz biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-immigrazzjoni u l-kriminalità bejn il-fruntieri.

Apparti minn hekk, se jsir aktar effiċjenti wkoll il-proċess biex dawk li m’humiex eliġibbli għall-protezzjoni fl-Ewropa jintbagħtu lura u anke tiżdied il-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, b’garanziji għad-drittijiet fundamentali

Il-liġi l-ġdida se tipprovdi għodod neċessarji biex jintużaw fil-fruntieri esterni biex tkun miġġielda l-kriminalità bejn l-istess fruntieri.

 “Ninsab sodisfatta li lħaqna dan il-ftehim proviżorju fuq liġi ġdida li se tindirizza wieħed mill-aktar tħassib taċ-ċittadini fl-Unjoni. Il-liġi tal-Gwardji tal-Kosta u l-Fruntieri Ewropej se tbiddel il-mod kif l-Ewropa timmaniġġja l-fruntieri,” saħqet Roberta Metsola. “Iċ-ċittadini Ewropej kienu qed jippretendu mingħandna li nipprovdu r-riżultati, u hekk għamilna, f’ħin rekord.”

Il-vot finali fuq il-liġi se jittieħed f’April. 

More in Politika