Huwa stat ta’ fatt li Malta għaddejja minn tkabbir ekonomiku bla preċedent. Kaġun ta’ din il-qabża ekonomika, jidher li s-suq tal-proprjetà u tal-kirjiet sploda ‘l fuq. Dak li qabel kien jinkera b’miżerjament €300 llum irdoppja jew anke saħansitra trippla.
Però dan l-iżvilupp kollu jawgura tajjeb għall-ekonomija tagħna fit-tul? Hemm riskju ta’ bużżieqa ta’ proprjetà simili għal dik li kkaġunat il-kriżi finanzjarja fl-Istati Uniti fl-2007-2008? Il-valur tal-proprjetà huwa minfuħ wisq? L-ekonomista Gordon Cordina jirrispondi.
Mistoqsi jekk il-prezz tal-proprjetà hux qed jintefaħ bħal bużżieqa, Cordina saħaq li, “il-prezz tal-proprjetà jkun qed jintefaħ bħal bużżieqa li kieku min qed jixtri qed jagħmel dan biss bl-iskop li jerġa' jbigħ fi ftit żmien wara u li jkun qed jixtri grazzi għal self, li x-xerrej jista' jkun ma jiflaħx għalih.”
Żied jgħid li, “l-andament tas-suq tal-proprjetà jkun determinat minn diversi fatturi fosthom: it-tkabbir naturali tal-popolazzjoni, jiġifieri d-differenza bejn dawk li jitwieldu u dawk li jmutu, iċ-ċaqliq fil-popolazzjoni bl-immigrazzjoni u l-emigrazzjoni, id-dħul u assi finanzjarji ta' xerrej, id-domanda għal kirjiet mit-turisti, il-kwalità tal-proprjetà li qed tinxtara, l-użu tal-proprjetà bħala mezz ta' tfaddil, ir-rata ta' żvilupp ta' proprjetà ġdida, kif ukoll riġenerazzjoni ta' dik li m'għadhiex tajba għall-bżonnijiet tal-lum.”
Apparti minn hekk, ma’ din il-gazzetta l-ekonomista stqarr li, “iż-żieda fil-prezzijiet ta-proprjetà mibjugħa li qiegħda madwar 5%, tqabbel sew mat-tkabbir ekonomiku.”
Skont l-ekonomista din iż-żieda fil-prezz ma tagħtix tħassib ta' żidiet artifiċjali u bla bażi. Minkejja dan huwa stqarr li, “jista’ jkun hemm proprjetajiet jew lokalitajiet sħaħ fejn iż-żidiet ma jkunux sostenibbli f'każ ta' ċaqliq negattiv qawwi fl-andament ta' ċertu setturi li jistrieħu ħafna fuq ħaddiema barranin,” saħaq Cordina.
Għandu jkun hemm kontrolli fuq il-kirjiet?
Ħafna huma tal-opinjoni li f’Malta hemm bżonn li jiġu tradotti kontrolli fuq il-kera. X’opinjoni għandu Cordina?
Mal-ILLUM huwa jiddikjara li, “ma naħsibx li l-istat għandu jintervjeni direttament fil-prezzijiet għax kull meta jagħmel hekk ikun qed joħloq aktar deni milli ġid.”
Minkejja dan, huwa qal li, “il-politika ekonomika u soċjali tal-Gvern għandha tiżgura li jkun hemm biżżejjed soqfa biex jilqgħu għal dawk li qegħdin fil-faqar.”
Kompla jgħid li għandu jkun hemm regolamenti biex is-self mill-banek ikun prudenti. “Għandha tispiċċa l-evażjoni fiskali u l-abbuż mill-kirjiet fuq kerrejja vulnerabbli.”
Fl-aħħar nett l-ekonomista qal li, “il-Gvern jista' jikkonsidra wkoll li jippubblika informazzjoni dwar il-prezzijiet li wieħed għandu jistenna li jsib fis-suq fuq proprjetajiet ta' karatteristiċi differenti liema proprjetajiet jkunu l-aktar li jappellaw għall-pubbliku.”