'Lanqas biss qed isir sforz, taparsi qed issir xi ħaġa biex jinqabad il-mandant'

Reżistenza Malta ssellem il-memorja ta' Daphne Caruana Galizia 500 jum wara li nqatlet ... tgħid li nqatlet għax kienet qed tgħid il-verità

"Ħames mitt jum mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-madanti ta’ dan id-delitt faħxi għadhom ma’ saqajna, igwadu impunita’ u l-poter. Qatt ma instema’ li ġurnalist inqatel għal gidba li qal. Il-ġurnalisti dejjem inqatlu b’ritaljazzjoni għall-verità li jkunu kixfu jew biex jitwaqqfu milli jistabbilixxu u jxandru l-verità." 

Hekk sostnew Reżistenza Malta li qalu wkoll illi min jigdeb tagħmillu kawża l-qorti u tikxef il-qerq tiegħu. "Iżda kontra min jgħid il-verità fuqek m’għandek l-ebda rimedju legali."

"Huwa evidenti li min ordna l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia mhux xi delinkwent komuni. Għall-kuntrarju, il-mandant għandu biżżejjed poter biex jixtri s-skiet." tkompli tgħid l-istqarrija.

Reżistenza Malta iżda ħarset lejn il-midja lokali wkoll u sostniet li ħafna ġurnalisti qed iġibu ruħhom daqslikieku t-tfittxija għall-verità hija esklussiva għall-forzi tal-ordni.  "Il-midja wkoll għandha d-dover li tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar dan l-assassinju u li tivverifika jekk l-pulizija hiex qegħda tagħmel ħilitha kollha sabiex issolvi dan l-omiċidju u jekk setgħatx tipprevjenu li Daphne Caruana Galizia tkun eliminata."

"Tassew ilna ma nisimgħu bil-wegħda ta’ miljun Ewro lil min jgħin biex jissolva dan id-delitt. Mhux talli mhux qiegħed isir minn kollox biex jinqabdu l-mandanti, iżda saħansitra lanqas għadu jsir sforz sabiex tingħata l-impressjoni li dan qiegħed isir," ittemm tgħid l-istqarrija. 

More in Politika