Miriam Dalli taspira li tieħu lill-pajjiż 'fil-livell li jmiss' ... titlob lill-poplu jipparteċipa

Miriam Dalli qed tistieden liċ-ċittadini ta´ kull età biex jgħidu tagħhom dwar fejn iridu l-pajjiż jagħmel il-qabża għal-livell li jmiss fil-kwalità tal-ħajja, fl-istandards ta  pajjiżna, fl-edukazzjoni u l-ambjent fost oħrajn

Miriam Dalli,  MEP Laburista
Miriam Dalli, MEP Laburista

L-Ewroparlamentari Miriam Dalli qed tħeġġeġ liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin biex ikunu parteċipi b’mod dirett fil-kampanja elettorali tagħha. Fuq l-indirizz elettroniku [email protected], in-nies jistgħu jibagħtu l-ideat tagħhom dwar it-temi ta´ prijorità li jridu għal-leġislatura li jmiss tal-Parlament Ewropew.

“Se nniedi l-kampanja elettorali tiegħi fit-8 ta´ Marzu. Din se tkun il-kampanja tagħkom għax irrid inpoġġi fuq quddiem nett il-prijoritajiet tagħkom. Għiduli it-temi li intom tridu bħala prijorità f’din il-kampanja elettorali,” qalet Miriam Dalli, f’messaġġ li ġie mniedi matul attività politika organizzata f’Ħaż-Żabbar u li huwa aċċessibbli wkoll fuq il-mezzi soċjali.

“X’inhuma l-kwistjonijiet li intom tixtiequ li niffoka fuqhom? Kif tħossu li nistgħu nieħdu lill-pajjiż fil-livell li jmiss?”

X’inhuma l-kwistjonijiet li intom tixtiequ li niffoka fuqhom? Kif tħossu li nistgħu nieħdu lill-pajjiż fil-livell li jmiss? Miriam Dalli

L-MEP tal-Partit Laburista qed tikkontesta dawn l-elezzjonijiet għat-tieni darba. F’dawn il-ħames snin, Dr Dalli għamlet minn Malta prijorità fil-ħidma tagħha. Dan deher ċar fi kwistjonijiet bħal tassazzjoni, l-ambjent, l-innovazzjoni u l-immigrazzjoni irregolari filwaqt li dejjem iddefendiet l-interess nazzjonali anke meta l-Parlament Ewropew ħa pożizzjonijiet kontra Malta.

“Qed niġi quddiemkom b´viżjoni bbażata fuq dak li intom tixtiequ taraw bħalha prijorità. F´dawn is-sitt snin, Gvern Laburista saħħaħ l-bażi ekonomika ta’ pajjiżna u issa huwa ż-żmien li nagħmlu l-pass li jmiss. Il-livell li jmiss għal Malta. Din hija l-aspirazzjoni tiegħi,” qalet Miriam Dalli.

Għalhekk, Miriam Dalli qed tistieden liċ-ċittadini ta´ kull età biex jgħidu tagħhom dwar fejn iridu l-pajjiż jagħmel il-qabża għal-livell li jmiss fil-kwalità tal-ħajja, fl-istandards ta  pajjiżna, fl-edukazzjoni u l-ambjent fost oħrajn.

“Din mhijiex il-kampanja tiegħi imma hija l-kampanja ta’ kull wieħed u waħda minnkom għaliex dawn il-gżejjer u l-Maltin u l-Għawdxin ħaqqhom l-aħjar possibbli,” sostniet Miriam Dalli.

More in Politika