Muscat ifakkar lil Corbyn li mhux se jinbidlu prinċipji tal-UE għal Brexit

Kienet varata l-kandidatura tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, bħala Kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea.

Joseph Muscat
Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat attenda għal-laqgħa tal-Mexxejja Soċjalisti Ewropej f’ Madrid. Matul din il-laqgħa kienet varata l-kandidatura tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Frans Timmermans, bħala Kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea. 

L-istedina saret mill-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez.

Waqt li kien Madrid, il-Prim Ministru kellu żewġ talbiet ta’ laqgħat formali mill-Prim Ministru tar-Rumanija, Viorica Dăncilă u l-Kap tal-Oppożizzjoni Brittaniku, Jeremy Corbyn.

Waqt il-laqgħa mal-Prim Ministru Rumena ġew diskussi relazzjonijiet bilaterali kif ukoll il-politika Ewropea minħabba l-fatt li bħalissa r-Rumanija għandha l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Flimkien ma’ Jeremy Corbyn kienet diskussa s-sitwazzjoni dwar Brexit, bil-Mexxej Laburista Ingliż jispjega l-politika tiegħu għaż-żmien li ġej fil-Parlament Ingliż. 

Min-naħa tiegħu, Dr Muscat tenna kif Malta trid li jkun hemm ftehim, iżda li l-Unjoni Ewropea ma tistax tiċċaqlaq mill-prinċipji tagħha kif riflessi fil-ftehim propost.

 

More in Politika