‘Niddeċiedu nerġgħux nagħmlu l-istess meta nkunu f’sitwazzjoni oħra ta’ salvataġġ’

L-ILLUM titkellem ma’ Sea-Watch. X’se tagħmel din l-NGO meta jkun hemm dgħajsa oħra f’nofs il-baħar? Giorgia Linardi twieġeb

Fid-diskors tiegħu, wara li ġiet fi tmiemha l-kwistjoni dwar l-immigranti abbord il-bastimenti ta’ Sea-Watch, il-Prim Ministru Joseph Muscat wissa lill-għaqdiet non-governattivi biex dejjem jimxu mar-regoli u jobdu l-ordnijiet li jingħataw mill-awtoritajiet tal-pajjiż. Il-ġimgħa li għaddiet l-ILLUM tkellmet ma’ Giorgia Linardi, il-kelliema ta’ Sea-Watch fl-Italja u staqsietha x’se tkun id-deċiżjoni tagħhom jekk xi darba fil-futur qarib jerġgħu jsibu ruħhom f’sitwazzjoni simili bħal dik li fl-aħħar nett spiċċat biex iddominat l-aħbarijiet lokali.

Hi ma offrietx risposta konkreta iżda sostniet li, “jekk nerġgħu nsibu ruħna f’sitwazzjoni simili bħal din se nkunu qegħdin nieħdu deċiżjoni dak il-ħin. Nittamaw li d-deċiżjonijiet tagħna ma jerġgħux jirriżultaw f’proċeduri kriminali kontrina, kif diġà ġara fil-konfront tal-Kaptan Claus Peter Reisch u l-bastiment tagħna li spiċċa żgumbrat għal diversi xhur,” spjegat il-kelliema ta’ sea-watch.

Claus-Peter Reisch qed ikun akkużat fil-Qorti ta’ Malta b’reġistrazzjoni irregolari tal-bastiment, li permezz tiegħu kien salva 234 immigrant.

Hi kompliet tgħid li fil-każ tal-immigranti li għall-ewwel ma tħallewx jidħlu Malta, “din ma kinetx operazzjoni ppjanata iżda sitwazzjoni ta’ emerġenza fejn il-Kaptan tagħna talab li jistkenn fl-ibħra territorjali Maltin.”

‘Nifhmu l-pożizzjoni tal-Gvern Malti imma…’

Meta sab ruħu affaċċjat bi pressjoni sabiex l-immigranti abbord il-bastimenti jidħlu Malta Muscat kien qal li “mhux se jippermetti li Malta, tispiċċa ċ-ċentru fil-Mediterran tal-immigranti li jkunu salvati mill-NGOs umanitarji u li l-ebda pajjiż ieħor ma jkun iridhom.” Għalhekk din il-gazzetta staqsiet lil Linardi jekk taħsibx li l-pożizzjoni hix waħda ġustifikata.

Linardi tirrispondi billi tgħid, “nifhmu l-pożizzjoni tal-Gvern Malti u nafu li Malta u l-Italja ma jistgħux jibqgħu jkunu responsabbli waħedhom mill-operazzjoni tas-salvataġġ fiċ-ċentru tal-Mediterran. Għalhekk qegħdin nisħqu fuq dan l-approċċ ta’ responsabbiltà mill-pajjiżi kollha stati membri tal-UE.”

Minkejja din id-dikjarazzjoni, Linardi rrimarkat li, “hi tal-mistħija fuq livell umanitarju kif dawn in-nies tħallew għal ġranet sħaħ bejn sema u ilma. Dan huwa każ li m’għandu qatt jerġa' jirrepeti ruħu,” saħqet il-kelliema ta’ Sea-Watch.

Linardi kompliet tgħid li “nittamaw li l-istati membri tal-UE jibdew jonoraw il-qbil li hemm u l-kelma li huma taw. Għandna bżonn metodoloġija strutturali fuq livell Ewropew. Il-kundizzjoni ta’ żbarkament ta’ dawn l-immigranti ħolqot preċident ikrah f’dan il-każ.”

‘Kieku ma ntlaħaqx qbil kollox kien se jisfaxxa fix-xejn f’temp ta’ jumejn’

Mal-ILLUM, il-kelliema ta’ Sea-Watch żvelat ukoll is-sitwazzjoni abbord il-bastimenti tal-għaqda. “Is-sitwazzjoni kienet tal-biża’. Kien hemm frustrazzjoni kbira fuq il-vapur. Il-kaptan kien informani li jekk ma kienx se jintlaħaq ftehim kollox kien se jisfaxxa fix-xejn f’temp ta’ jumejn jew tlieta,” sostniet Linardi.

Hi tkompli tispjega kif, “kienet veru diffiċli sabiex nispjegaw lil dawn l-immigranti li l-Ewropa ma tridhomx ġewwa. Kien hemm ħafna li meta saru jafu li mhumiex se jitħallew jidħlu ġewwa Malta, bdew jirrifjutaw l-ikel u t-trattament mediku.”

Finalment, nhar id-9 ta’ Jannar, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li: il-Ġermanja, Franza, il-Portugall, l-Irlanda, ir-Rumanija, il-Lussemburgu, l-Olanda u l-Italja kollha qablu li jaċċettaw numru ta’ immigranti.

Min-numru kollha ta' immigranti li ġew salvati, fosthom 249 immigrant li ġew salvati mill-forzi tal-ordni Maltin f’lejliet l-ewwel tas-sena, Malta ħadet 74 persuna.

“Ħadna r-ruħ meta l-Prim Ministru Malti ħabbar id-deċiżjoni li dawn l-immigranti jitħallew jidħlu Malta. Il-voluntiera u l-membri kollha ta’ Sea-Watch għamlu biċċa xogħol tajba ħafna,” temmet tgħid il-Kelliema ta’ Sea-Watch.

Intant, bħalissa numru ta' immigranti oħra jinsabu abbord il-bastiment Sea-Watch 3 jistennew li jingħataw port sigur. Madwar 100 immigrant ieħor ġew salvati minn bastiment tal-merkanzija.

More in Politika