Deputati tal-Gvern qed jagħmlu pressjoni biex jinbidel il-ftehim prospettiv mal-Corinthia

Deputat tal-Gvern jitkellem mal-gazzetta ILLUM dwar it-tħassib ta’ diversi Membri Parlamentari tal-Gvern dwar il-ftehim prospettiv bejn il-Gvern u l-International Hotel Investments għall-art pubblika fil-Bajja ta’ San Ġorġ

Impressjoni viżwali mogħtija minn Corinthia li turi kif se tidher l-art wara li tintemm l-ewwel fażi tal-proġett
Impressjoni viżwali mogħtija minn Corinthia li turi kif se tidher l-art wara li tintemm l-ewwel fażi tal-proġett

Jidher li l-ftehim prospettiv bejn il-Gvern u l-International Hotel Investments qiegħed jinkwieta mhux biss lill-ambjentalisti, lill-iżviluppaturi, NGOs u għaqdiet oħra, iżda anke lil diversi Deputati tal-Gvern. Il-gazzetta ILLUM tista’ tiżvela kif diversi Deputati, inkluż membri tal-kabinett, qed jesprimu t-tħassib tagħhom dwar dan il-ftehim.

Sors u Deputat tal-Gvern qal mal-gazzetta ILLUM li “mhumiex ftit” dawk id-Deputati li huma inkwetati dwar dan il-ftehim u saħansitra qal li qed jagħmlu pressjoni biex l-affarijiet jinbidlu qabel ma jittieħed il-vot fil-Parlament.

Dan il-ftehim prospettiv se jkun qed jippermetti lill-International Hotel Investments (IHI), sidt il-Corinthia Hotel Group u l-lukanda Radisson, biex twaqqa’ żewġ lukandi li għandha fil-bajja ta’ San Ġorġ biex minflokhom twettaq proġett ta’ €400 miljun li fost oħrajn jinkludi lukanda ta’ sitt stilel, bini ta’ torrijiet għal residenzi lussużi u anke uffiċċji.

Se jkun il-Parlament li se jiddeċiedi dwar reżoluzzjoni parlamentari, imbuttata ’l quddiem mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, biex jinbidlu l-kundizzjonijiet li kienu ġew imposti fuq l-International Hotel Investments biex l-art mogħtija lilhom b’konċessjoni mill-Gvern tkun użata biss għal raġunijiet turisti.

Iżda l-aktar ħaġa li qajmet diskussjoni huwa l-prezz li se tkun qed tħallas l-IHI. Filwaqt li l-art kienet stmata li tiswa €121 miljun, fil-verità l-kumpanija se tkun qed toħroġ biss €17-il miljun, hekk kif it-€52 miljun l-oħra se jkunu qed jitħallsu minn dawk li jixtru proprjetà biex ibiddlu ċ-ċens minn wieħed temporanju għal dak permanenti.

“Jekk dik l-art tiswa l-miljuni kif jista’ jkun li aħna se nagħtuha b’xejn?” staqsa d-Deputat li tkellem mal-gazzetta ILLUM. “Jekk hux se jibnu torrijiet ftit jinkwetani għax fl-aħħar mill-aħħar il-battalja f’San Ġiljan mitlufa, iżda ma jistax ikun li art pubblika nagħtuhielhom b’xejn.”

Kien hawn li d-Deputat ikkonferma ma’ din il-gazzetta li l-kwistjoni kienet diskussa fil-Kabinett u anke fost il-grupp Parlamentari. “Qed nagħmlu pressjoni u sa issa jidher li l-affarijiet se jkunu qed jinbidlu.”

‘Ħafna ħaduha bi kbira...ma għandniex bżonn kontroversja oħra’

Is-sors kompla jinsisti li l-prezz li biha tingħata l-konċessjoni jaffettwa affarijiet oħra u kien hawn li tenna t-tħassib li wrew fl-aħħar ġimgħat l-iżviluppaturi u aġenti ta’ proprjetà, jiġifieri li meta l-Gvern jgħaddi art pubblika li se tintuża għal bini residenzjali bi prezz baxx aktar mill-medja, ikun qed jisfrutta s-suq tal-propjetà u jitbiegħed mill-kunċett ta’ level playing field għal dawk kollha involuti fis-suq.

Fil-fatt dan huwa wkoll it-tħassib li qed turi l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi. Il-President tagħha, Sandro Chetcuti, waqt il-programm Xtra, saħansitra wissa li l-approvazzjoni ta’ dan il-proġett tista’ twassal għal ‘suwiċidju ekonomiku,” għax fi kliemu l-valutazzjoni baxxa tal-art se jkollha effett negattiv fuq is-suq tal-propjetà kollu.

L-art inkwistjoni kif inhi bħalissa
L-art inkwistjoni kif inhi bħalissa

Fil-fatt, id-Deputat kompla jisħaq mal-ILLUM li huma ħafna dawk il-kuntratturi, negozjanti u persuni oħra fil-komunità kummerċjali li qed jagħmlu kuntatt miegħu.

“Ħafna negozjanti ħaduha bi kbira. Ġieli ċempluli erba’ persuni f’ġurnata jistaqsuni x’qed nagħmlu. Meta jkollok ħafna nies kontra ma tistax ma tagħtix kashom. Ma għandniex bżonn kontroversja oħra,” saħaq is-sors.

X’jinkludi l-proġett ta’ €400 miljun?

L-art inkwistjoni kienet ingħatat b’konċessjoni mill-Gvern fis-snin disgħin bil-kundizzjoni li fuqha jsir biss żvilupp għal raġunijiet turistiċi. Il-kumpanija kienet bniet żewġ lukandi, il-Corinthia San Ġorġ u l-Corinthia Marina Hotel. Aktar tard, l-istess kumpanija kienet xtrat ukoll il-lukanda Radisson.

Il-lukanda Corinthia San Ġorġ mhix se tkun qed titwaqqa’ u se tinżamm fil-proġett ta’ €400 miljun li l-International Hotels Investments għandha ħsieb li twettaq fuq din l-art

Nhar il-Ħadd li għadda, il-gazzetta oħt MaltaToday ippubblikat id-dettalji ta’ Masterplan tentattiv li fost oħrajn jinkludi l-bini ta’ 12-il blokka, inkluż erba’ torrijiet, li l-għoli tagħhom ivarja bejn tmienja u 21 sular.

X’qed tgħid il-kumpanija?

Anke jekk il-gazzetta MaltaToday spjegat li l-impressjoni viżwali tat-12-il torri kienet magħmula minn perit u ppreżentati f’abbozz ta’ masterplan ippreżentat mill-Corinthia lil dawk kollha kkonċernati, il-Grupp Corinthia ddeskrivihom bħala “fittizji.”

Il-kumpanija insistiet li sa issa tista’ tipprovdi biss il-viżwali relatati mal-ewwel parti tal-proġett, li skont il-ftehim mal-Gvern ikopri biss 15% tal-iżvilupp.

Il-kumpanija spjegat kif l-ewwel parti tal-proġett se jinkludi l-bini ta’ żewġ torrijiet ta’ residenzi lussużi, għolja 15-il sular, fil-parti tan-nofs fejn bħalissa hemm il-Corinthia u l-lukanda Radisson.

“X’se jiġri wara din il-fażi jiddependi minn ħafna fatturi, fosthom il-vijabilità ekonomika, kunsiderazzjonijiet marbuta mal-ippjanar u ħafna aktar, iżda fuq kollox, l-impenn tagħna li nassiguraw żvilupp sabiħ li jikkumplimenta l-lukanda ġdida Corinthia,” wieġbet il-kumpanija.

Mhux hekk biss. Qalet ukoll li l-masterplan tentattiv li kien inkluż mal-ftehim propost, juri wkoll li “l-maġġoranza (75%) tal-art se tibqa’ miftuħa.”

Fi kliem il-kumpanija, dan juri li l-intenzjoni tal-kumpanija huwa li żżomm “ambjent bilanċjat u ħolistiku għal-lukandi lussużi proposti u anke r-residenzi.”

X’jgħid aktar il-ftehim?

Il-ftehim li qed ikun diskuss jgħid ukoll li l-Gvern mhux se jkun qed joġġezzjona għal reklamazzjoni tal-art biswit iż-żona, sakemm jingħataw il-permessi neċessarji mill-Awtorità tal-Ippjanar, li fl-aħħar mill-aħħar tieħu l-aħħar deċiżjoni fuq dawn il-kwistjonijiet.

Dwar dan, il-kumpanija qalet li ma għandha l-ebda intenzjoni li twettaq reklamazzjoni tal-art biswit il-proġett.

Il-Masterplan għall-proġett ippubblikat mill-gazzetta oħt MaltaToday
Il-Masterplan għall-proġett ippubblikat mill-gazzetta oħt MaltaToday

L-IHI se tkun qed tingħata wkoll il-permess li topera konċessjoni għal bajja fuq il-kosta madwar il-lukanda u anke se jkollha “l-poter u l-awtorità,” li tippermetti partijiet terzi biex jużaw din iż-żona. Il-kumpanija se tkun obbligata li tipprovdi l-faċilitajiet u s-servizzi li wieħed jistenna minn “bajjiet simili f’destinazzjonijiet ta’ lussu,” u li l-bajja tinżamm fi stat tajjeb.

X’ġie żvelat ukoll?

Apparti dan kollu, ġie żvelat ukoll li l-ftehim prospettiv jippermetti lill-kumpanija biex titrasferixxi l-kuntratt lil kwalunkwe kumpanija oħra.

Il-ftehim, jekk approvat kif inhu, jippermetti wkoll lil IHI biex tinnegozja mill-ġdid il-kuntratt f’każ li ċirkostanzi “ekonomiċi u soċjali” eċċezzjonali (li ma jkunux previsti meta l-kuntratt jiġi ffirmat) ipoġġu pressjoni kbira fuq il-kumpanija biex tonora ż-żmien li matulu għandu jitwettaq il-proġett.

Fi kliem sempliċi, il-kuntratt se jagħti dritt lill-kumpanija biex tinnegozja mill-ġdid il-ftehim jekk jidrilha li l-klima soċjo-ekonomika tal-pajjiż tkun inbidlet b’tali mod li ma tkunx tista’ twettaq il-proġett kif ippjanat.

Kif se tkun qed tħallas lill-Gvern?

L-IHI se tkun qed tħallas €1 miljun biss malli l-kuntratt ikun iffirmat. €3 miljuni oħra se jitħallsu fi żmien tliet snin mid-data tal-kuntratt, filwaqt li l-aħħar €13-il miljun se jitħallsu wara li jinħarġu l-pagamenti tal-ippjanar.

Filwaqt li l-ewwel €4 miljuni għandhom jitħallsu anke jekk il-permessi ma jinħarġux, it-€13-il miljun li jifdal jitħallsu skont il-permessi maħruġa.

Dan ifisser li jekk l-Awtorità tal-Ippjanar tapprova inqas żvilupp minn dak propost, il-prezz jonqos fuq bażi pro-rata.

B’kollox il-Gvern irid idaħħal €52 miljun, fosthom is-€17-il miljun premium, li jinkludi wkoll iċ-ċens tal-art. Kif spjegat qabel, se jkunu terzi persuni li jixtru uffiċċju jew residenza, li se jagħżlu huma jbiddlux iċ-ċens minn wieħed temporanju għal dak permanenti.

Jekk jagħżlu li jaqilbu ċ-ċens għal wieħed permanenti, dawn iridu jħallsu €250 għal kull metru kwadru lill-Gvern. F’każ, li dawn il-partijiet terzi jiddeċiedu li ma jbiddlux iċ-ċens, dan se jkollu jiġi mifdi mill-kumpanija sussidjarja Five Star Hotels Limited fi żmien sentejn mill-kuntratt bejn l-IHI u x-xerrejj/a.

More in Politika