Jet Privat | 'Il-PA ma għandhiex tintervjeni biex il-membri tal-bord ikunu preżenti għal-laqgħat'

Wara l-każ tal-jet privat, l-Ombudsman jiġbed l-attenzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li kienet ħallset €8,750 biex membru tal-bord jinġieb minn Sqallija biex jivvota dwar il-proġett tad-db

Jaqueline Gili, il-membru tal-PA inġabet Malta bi private jet
Jaqueline Gili, il-membru tal-PA inġabet Malta bi private jet

“La l-Awtorità u wisq anqas l-Eżekuttiv ma għandhom jintervjenu biex il-membri tal-bord ikunu preżenti għal-laqgħat.”

Din kienet ir-risposta tal-Uffiċċju tal-Ombudsman għall-ilment li kien ressaq il-kandidat tal-Alternattiva Demkratika Arnold Cassola wara l-każ ta’ Jacqueline Gili, membru tal-Awtorità tal-Ippjanar, li nġiebet Malta minn Sqallija b’jet privat biex tivvota fuq il-proġett tal-grupp db għall-proġett kummerċjali fuq art pubblika, fejn qabel kien hemm l-ITS.

L-Ombudsman kien fetaħ investigazzjoni wara t-talba tal-eks Chairman tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola.

Hu kien staqsa jekk dan hux każ ta' amministrazzjoni ħażina, użu ħażin tal-flus ta' min iħallas it-taxxi jew inkella hux diskriminazzjoni lejn applikanti oħrajn u persuni li oġġezzjonaw fuq żviluppi oħrajn.

Fit-tweġiba li Cassola ppubblika fuq Facebook, l-uffiċċju għamel dawn ir-rakkomandazzjonijiet:

1. Iċ-Chairman Eżekuttiv għandu jassumi biss ir-rwol li jirrakkomanda u jwieġeb għad-domandi tal-bord u m’għandu jassumi l-ebda rwol ieħor li jista’ jiġi interpretat li l-Eżekuttiv kellu xi sehem, anke jekk f’vot wieħed, fid-deċiżjoni finali tal-bord

2. Li l-membri kollha tal-bord jagħmlu l-almu kollu tagħhom sabiex ikunu preżenti għal-laqgħat u għandhom javżaw lis-Segretarju tal-bord żmien xieraq minn qabel meta ma jkunux ser jattendu jew meta jkollhom kwalunkwe problema (eżempju ta’ trasport) sabiex jattendu. Madanakollu, il-membri tal-bord għandhom jitħallew fil-libertà u taħt l-ebda ċirkostanza m’għandhom jaċċettaw insistenza sabiex jattendu jew ma jattendux.

Il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar wieġeb għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet u skont l-Uffiċċju tal-Ombudsman aċċettahom u qed jattwahom.

More in Politika