Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fi Triq Ħal Luqa f’Santa Luċija flimkien mas-Sindki tal-lokalitajiet ta’ Santa Luċija, Ħal Luqa, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid.
Wara li s-sena l-oħra twessgħet it-triq biex ikollha żewġ korsiji f’kull direzzjoni, issa għaddej xogħol sabiex il-karreġġjata ‘l isfel tiġi mwessa’ b’madwar tliet metri iżjed sabiex tinħoloq track pedonali u għaċ-ċiklisti f’din it-triq.
Il-Ministru Borg spjega kif din it-triq, li hija ffrekwentata minn diversi nies li jużawha għall-mixi, qatt qabel ma kellha faċilitajiet pedonali u għaċ-ċiklisti.
Fost proġetti oħra, il-Ministru semma’ l-pontijiet pedonali u għaċ-ċiklisti li hemm ippjanati għal Vjal l-Avjazzjoni, Blata l-Bajda u s-Central Link Project, kif ukoll pontijiet pedonali oħra li se jiffurmaw parti mill-Marsa Junction Project.
Huwa fakkar ukoll fit-track pedonali u għaċ-ċiklisti segregata li qiegħda ssir ukoll fi Triq Bormla, magħrufa bħala taċ-Ċawsli, bejn iż-Żejtun u Ħaż-Żabbar, fejn il-korsiji għall-vetturi tnaqqsu għal waħda f’kull naħa biex inħoloq dan l-ispazju, hekk kif instab li din il-kapaċità hija biżżejjed għall-inħawi.
Huwa qal kif il-ħidma li għaddejja f’din it-triq se tkun qiegħda tikkumplimenta l-Marsa Junction Project u l-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija ftit passi ‘l bogħod, u fakkar ukoll f’ħidma oħra li saret fl-inħawi bħax-xogħlijiet ta’ Vjal l-Avjazzjoni u numru ta’ roundabouts f’Ħal Luqa u f’Ħal Qormi. Il-Ministru fakkar li fil-pjan għall-2019 hemm ukoll proġett fi Triq San Tumas u Triq Ħal Qormi li jkomplu jgħaqqdu din ir-rotta miċ-ċentru għal din il-parti tan-Nofsinhar.