Il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew, Peter Agius, akkuża lill-Gvern li qed juża fondi maħsuba għall-bdiewa Maltin biex isiru t-toroq.
Huwa qal dan fuq Facebook fejn stieden lill-kandidat Labursta Alex Agius Saliba u kandidati oħra, biex ma jistennewx li jsiru Ewroparlamentari iżda minn issa jħeġġu lill-Gvern biex jassigura li jġib għal Malta pakkett finanzjarju b’saħħtu li minnu jgawdu s-setturi kollha, fosthom il-biedja.
“Din is-sena rriskjajna li nitilfu 30 miljun fondi tal-biedja li ġab gvern Nazzjonalista. Qed tispiċċaw tużaw fondi maħsuba għall-bidwi biex isiru toroq minflok għax ma kontux kapaċi tiproċessawhom fil-ħin,” insista Agius.
Kompla jisħaq li skont proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-Baġit, minħabba l-mod li fi kliemu l-Gvern ittraskura l-biedja, il-baġit għall-bidwi Malti se jonqos minn 6 sa 10%.