It-Tuneżija reġgħet tinsab maqbuda f'inkwiet politiku bi protesti kbar hekk kif ġurnalist ta n-nar lilu nnifsu f'eku ta' inċident simili fit-Tuneżija li ta bidu għar-rivoluzzjoni Għarbija.
Abderrazak Zorgui, ġurnalist ta' 32 sena tefa' filmat fuq il-mezzi soċjali jagħti n-nar lilu nnifsu fil-belt ta' Kasserine. Dan wara li esprima d-disperazzjoni tiegħu għas-sitwazzjoni fil-pajjiż li bħalissa jinsab maħkum minn faqar u nuqqas kbir ta' xogħol. Huwa appella għall-bżonn ta' rivoluzzjoni oħra minħabba l-faqar, korruzzjoni u kundizzjonijiet ħżiena tal-għixien.
Il-ġurnalist, li miet nhar it-Tnejn xħin ħafna mid-dinja tal-punent kienet qed tiċċelebra l-Milied, wera l-frustrazzjoni tiegħu għall-fatt li r-Rebbiegħa Għarbija ma ġabitx il-bidliet li kienu mwiegħda.
Qabel ir-rivoluzjoni t-Tuneżija kienet immexxija mid-Dittatur Zine El Abidine Ben Ali, li tneħħa waqt ir-rivoluzzjoni u li bħalissa jinsab maħrub f'Jeddah, fl-Arabja Sawdija. Kontrieh hemm mandat ta' arrest b'akkużi ta' traffikar ta' droga u ħasil ta' flus.
Il-mewt tal-ġurnalist waslet għal protesti matul il-lejl tat-Tnejn li mal-ħin saru vjolenti, bil-Pulizija jisparaw il-gass tad-dmugħ lejn il-folol li kienu qed jaħarqu tyres tal-karozzi u jwaddbu l-ġebel.
Dan il-lejl ukoll reġa kien hemm il-protesti li kienu, mill-ġdid, vjolenti.