'Min jiżbalja jaf li mhux se jħallas ta' għemilu għax għal dan il-Gvern xejn mhu xejn' - Delia
Il-Parlament jiddiskuti l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex ikun hemm inkjesta indipendenti fuq il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia
minn Albert Gauci Cunningham / Liam Carter
Illejla fil-Parlament ġiet diskussa l-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni fuq talba tal-familja Caruana Galizia. L-Oppożizzjoni qed titlob għal inkjesta oħra indipendenti fuq il-qtil makabru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Fid-diskors tiegħu il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal illi l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia huwa theddida fuq il-libertà tal-espressjoni, apparti li jirfes fuq id-dritt tal-ħajja.
Huwa qal illi minkejja li l-Gvern qed jgħid li huwa l-PN li jrid jiddeċiedi minflok il-Qrati, in-nies mhumiex boloh. "Aħna mhux inkażbru l-Istituzzjonijiet irridu imma nużawhom," sostna, filwaqt li insista li l-mozzjoni li qed iressaq il-PN hija skont l-Att dwar l-Inkjesti, kuntrarjament għal dak li qal id-Deputat Laburista Robert Abela (ara aktar 'l isfel).
"F'pajjiż normali ma jissikkitx min qed jagħti l-opinjoni tiegħu, f'pajjiż normali ma jinqatilx il-ġurnalist. Imma jekk jiġri hekk,bħal ma ġara fl-Islovakkja, jirreżenjaw il-Ministri...imma m'aħiex ngħixu f'pajjiż normali," insista Delia.
"Meta inti tgħix taħt gvern li għalih il-ħażin huwa tajjeb u li għalih xejn mhu xejn...allura min jiżbalja jaf li mhux se jġorr il-konsegwenza u mhux se jħallas prezz." Huwa qal li huwa għalhekk seħħew assasinji bħal dak ta' Karin Grech, Raymond Caruana u issa Daphne Caruana Galzia.
"X'ma jridx il-Gvern? irid li jibqa' jaħbi lin-nies?" staqsa Delia meta kien qed jirreferi għall-mozzjoni tal-partit li jmexxi. "Huwa ċar li l-Gvern dejjem isikket ried, imma aħna naċċertaw li l-Oppożizzjoni se tibqa' tkun il-leħen tas-sewwa u tat-tajjeb."
Fid-diskors Parlamentari tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina sostna li, “f’pajjiż fejn l-istutizzjonijiet jaħdmu ma kienx ikun hemm il-bżonn li ssir inkjesta indipendenti, bħal ma qegħda titlob il-familja tal-ġurnalista Caruana Galizia.”
Hu kompla jispjega l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, “qegħdin ninsistu li l-Gvern jaħtar investigazzjoni indipendenti biex jara jekk dan il-qtil ma setgħax jiġi evitat. Mozzjoni esklussivament fuq il-mewt ta’ DCG. Ġaladarba il-PM ma jridx jagħmel dak li, tordnalu dak li suppost jagħmel. Riżenja tal-Avukat Ġenerali tal-Korp tal-Pulizija.
“Il-liġi tagħmila ċara, stat għandu jinvestiga l-qtil ta’ persuna u n-nuqqasijiet tal-istat li jwasslu għal qtil ta’ dik il-persuna,” saħaq Aquilina.
“Ġaladarba fl-istorja ta’ pajjiżna saru inkjesti fuq materji anqas sensittivi bħal ngħidu aħna serq; konvint li f’dan il-każ jeħtieġ li verament ikun hemm inkjesta indipendenti,” sostna Aquilina.
Apparti minn hekk, hu saħaq li l-inkjesta għandha tispiċċa fi żmien sitt xhur u apparti minn hekk b’referenza għar-rapport tal-inkjesta ta’ Egrant, li baqa’ msakkar, Aquilna qal li “r-rapport m’għandux jingħata lill Gvern iżda lill minn qiegħed jaħtar din l-inkjesta, r-rapport għandu jingħata l-ispeaker tal-Kamra u minnufih ippublikat mill-iskrivan tal-Kamra.”
B'risposta lesta għad-diskors tad-deputat Nazzjonalista Aquilina, l-Whip tal-Partit Laburista Byron Camilleri kien pront jgħid li, “m’hemmx dubju li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien wieħed xokkanti."
Minkejja dan hu żied jgħid li, “f’dan il-pajjiż għandna diversi organi tal-istat li jiffunzjonaw għalhekk għandna nuru fiduċja fil-Maġistrat u l-Pulizija. Illum għandna tliet persuni li jinstabu taħt att ta’ akkuża. Permezz ta’ din il-mozzjoni, l-Oppożizzjoni qed titlob inkjesta oħra, minkejja li hemm tliet persuni taħt att ta’ akkuża. Dan minbarra investigazzjoni tal-Pulizija bl-għajnuna tal-Europol.”
Minn naħa tagħha, id-Deputata Laburista Rosianne Cutajar qalet u staqsiet, "għaliex irridu nkunu aħna l-politiċi li nindaħlu u nippreġudikaw ix-xogħol tajjeb li qed issir mill-istutizzjonijiet.?" Cutajar appelat biex, "inħallu l-istutizzjonijiet tal-pajjiż tagħna għaddej u nagħtuhom l-fiduċja kollha tagħna. Jien u sħabi irridu naraw li ssir ġustizzja f’kull ħin u mument."
Intant, id-Deputata Marlene Farrugia illejla resqet fil-Parlament emenda għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li bil-għan li titwaqqaf Kummissjoni li tinvestiga l-qtil ta’ Karin Grech, Raymond Caruana u Daphne Caruana Galizia. Din l-emenda m'għaddietx.
Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi sejjaħ l-istorja tas-Sunday Times li l-awtoritajiet waslu biex jaqbdu lil dawk li kienu l-moħħ wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, bħala parti minn 'spin' ta' uffiċjali f'Kastilja. Hu appella lill-Gvern "biex jieqaf jigdeb." Huwa sostna li l-Gvern jaf illi hemm differenza bejn Inkjesta Maġisterjali (kif qed isir bħalissa) u Inkjesta Pubblika, b'dik tal-ewwel jgħid Azzopardi ma tinvestigax il-mottiv u lanqas jekk il-Pulizija kellhiex biżżejjed riżorsi biex tipprevjeni jew issolvi l-każ.
Id-Deputat Laburista Robert Abela qal li l-mozzjoni tal-PN hija "kontra l-liġi". "Intom tafu li fil-mozzjoni qed titolbu li ssir inkjesta parlamentari?" staqsa Abela. Hu qal li l-mozzjoni taqleb ta' taħt fuq l-Att dwar l-Inkjesti, "intom tridu inkjesta parlamentri u tridu lill-parlament isir investigatur." Hu qal li l-Oppożizzjoni trid li timmina l-proċess kollu biex ma ssirx ġustizzja.
