Il-Kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Josef Caruana saħaq li tnax jew inkella kważi nofs id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista jridu li jorħsu l-kontijiet tad-dawl meta huma stess, lura fl-2009, kienu vvutaw kontra l-mozzjoni tal-Partit Laburista, dak iż-żmien fl-Oppożizzjoni, biex jonqsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Fi stqarrija, Caruana insista li fost dawn id-Deputati, kien hemm iż-żewġ Viċi Kapijiet, David Agius u Robert Arrigo u anke s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli.
“Magħhom kien hemm Mario De Marco, Beppe Fenech Adami, Jason Azzopardi, Fredrick Azzopardi, Mario Galea, Carm Mifsud Bonnici, Chris Said, Stephen Spiteri u Edwin Vassallo,” kompla jisħaq Caruana.
Insista li dawn kollha vvutaw kontra li jorħsu l-kontijiet, minkejja li fi kliemu, kellhom ukoll il-parir tal-imsieħba soċjali biex jivvutaw favur.
“Illum dawn l-istess 12-il rappreżentant tal-poplu, li jagħmlu wkoll kważi nofs ir-rappreżentanza Nazzjonalista fl-ogħla istituzzjoni, jinsabu parteċipi fil-kor stunat li jgħid li mhux veru raħsu l-kontijiet mill-Gvern Laburista fl-aħħar leġiżlatura,” kompla Caruana.
Insista li l-istess Deputat lanqas ma jemmnu li €80 miljun qed jintraddu lura lill-familji u n-negozji kull sena
“Dawn għandhom l-ardir li jgħidu li l-Gvern attwali qed jisraqna ħajjin permezz tal-power station il-ġdida tal-Electrogas, li taħdem bl-aktar fjuwil nadif fid-dinja flok bil-heavy fuel oil,” kompla Caruana.
“Hu biss il-Partit Nazzjonalista li ma nbidilx lanqas fil-ħsieb tiegħu. Mhux ta’ b’xejn li, taħt tmexxija ġdida wkoll, ma jistax jaqbad irkaptu tas-sitwazzjoni politika, waqt li l-kredibbiltà tiegħu fost il-poplu għadha qiegħda ddub,” temm jgħid il-kandidat.