Il-PL igiddeb lil Aquilina; 'Ma kien hemm l-ebda ftehim dwar il-power station qabel l-elezzjoni'

Il-Partit Laburista ċaħad li qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 kien hemm xi ftehim ma’ xi persuna jew kumpanija dwar il-power station

Il-Partit Laburista ċaħad li qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 kien hemm xi ftehim ma’ xi persuna jew kumpanija dwar il-proġett tal-power station.

Kien għalhekk li fi stqarrija, il-Partit Laburista insista li dak li qal Karol Aquilina lbieraħ fil-Parlament huwa gidba.

“Wara l-elezzjoni, il-kuntratt tal-power station ingħata wara proċess kompetittiv ibbażat fuq il-principji ta’ dan il-pjan li kien pubbliku, u li matulu pparteċipaw numru ta’ kumpaniji. Kienu xhur ta’ evalwazzjoni li wasslu biex intgħażlet l-aħjar offerta,” tisħaq l-istqarrija.

Il-Partit Laburista fakkar li l-proġett marbut mal-bini tal-power station il-ġdida kien evalwat ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

“Simon Busuttil ma kienx ħa pjaċir bil-konklużjoni tal-Kummissjoni, tant li kien spiċċa jgħajjar lill-President tal-istess Kummissjoni,” kompliet l-istqarrija.

Il-Partit Laburista temm jisħaq li wara d-diskors tal-bieraħ, jidher li għad hemm nies li ma tgħallmu xejn wara r-rapport Egrant.

“Fil-ħajja u fil-politika jgħoddu l-fatti u l-provi u mhux l-istejjer li jogħġbu jivvinta xi ħadd bħal Karol Aquilina," ittemm l-istqarrija.

More in Politika