Alternattiva Demokratika (AD) issottomettiet l-opinjoni tagħha dwar l-istrateġija għall-Kottonera. James Gabarretta, Kelliem dwar l-Ambjent Urban qal li għall-AD fakkar illi r-residenti u l-kwalità tal-ħajja tagħhom għandhom ikunu ċ-ċentru tal-istrateġija.
"Ħarsa lejn id-dokument dwar il-Kottonera, wieħed jistaqsi għaliex jinhass il-bżonn li titwaqqaf entita’ (Fondazzjoni Kottonera) immexxija minn Membru Parlamentari meta fl-istess nifs il-Gvern qed jgħid li jrid isaħħah il-koperazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali permezz tal-Kunsilli Regjonali," sostna Gabarretta f'referenza għad-Deputat Glenn Beingfield li se jmexxi l-fondazzjoni.
"Għalina, r-residenti huma l-aktar stakeholders importanti fil-Kottonera. L-istrateġija, tagħti x’tifhem li l-għan huwa aktar u aktar negozju, inkluz f'zoni li fil-pjan lokali huma boskijiet. Il-kunċett ta' ġentrifikazzjoni mhi imsemmija imkien fid-dokument. Dan huwa nuqqas kbir għax ippjanar ħażin jista’ jfisser li r-residenti tal-Kottonera jsibu ruħhom f’Kottonera li ma jibqgħux jagħrfu. "
"Alternattiva Demokratika", kkonkluda James Gabarretta temmen illi "kummerċjalizazzjoni intensiva tal-Kottonera mhux fl-interess tar-residenti. Il-‘green corridor’ Santa Margerita għandha tiġi mmaniġjata bi principji ta’ konservazzjoni bħala żona naturali, li tant hija bżonnjuża fil-Kottonera. M’għandhiex tiġi kummerċjalizzata bi kiosks u aktar konkos," sostna Gararetta.