'Dwar Keith ma hemmx investigazzjoni...dwar Beppe hemm'

Il-Prim Ministru jinsisti li ma hemm l-ebda investigazzjoni dwar Keith Schembri iżda dwar il-kumpanija 17 Black biss

Il-Prim Ministru Joseph Muscat insista li l-investigazzjoni dwar il-kumpanija 17 Black mhijiex fuq individwu u għalhekk ma jarax għalfejn Keith Schembri għandu jirriżenja.

Mill-banda l-oħra insista li l-inqas nies li jistgħu jitkellmu huma n-nies tal-Oppożizzjoni għax nies bħal Beppe Fenech Adami hemm investigazzjonijiet dwarhom.

Huwa qal dan waqt li ġurnalisti kienu qed ifakkru lill-Prim Ministru li kien qal li jekk ikun hemm investigazzjoni dwar Keith Schembri, dan jirriżenja minnufih.

Madanakollu, il-Prim Ministru insista għal aktar minn darba li l-investigazzjoni mhijiex dwar Keith Schembri iżda dwar il-kumpanija 17 Black.

Mistoqsi jekk allura dan ifissirx li l-investigazzjoni hijiex fuq Yorgen Fenech, li l-Proġett Daphne qal li huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, il-Prim Ministru insista li l-ewwel u qabel kollox il-Gvern ma jkunx infurmat dwar investigazzjonijiet li jkunu għaddejja mill-awtoritajiet kompetenti.

“Aħna tlabna lill-Avukat Ġenerali biex jikkonferma u dan ikkonferma li hemm investigazzjoni fuq kumpanija,” insista l-Prim Ministru.

Iżda meta mistoqsi minn ġurnalista dwar kif inhu daqshekk ċert li Keith Schembri mhux qed ikun investigat, meta fi kliemha, “huwa direttament implikat,” il-Prim Ministru reġa’ wieġeb li l-investigazzjoni hija dwar kumpanija u l-Maġistrat għandha l-libertà tagħmel dak li jidhrilha li jkun l-aħjar.

                     Ma qbadtx art fuq din ta' 17 Black? Pass, pass dak li ġara s'issa...

More in Politika