Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent bagħtet ittra lill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna titlob li fil-Baġit jikkunsidra l-proposta tagħha biex il-Gvern iniedi studju nazzjonali dwar il-proprjetà.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni Ambjent saħqet li din hija t-tielet sena konsekuttiva li qed tagħmel din il-proposta lill-Gvern
Il-Knisja qed tinsisti li l-ħtieġa għal dan l-istudju hija waħda urġenti għax skontha, il-proprjetà saret iktar serja mill-ambjent soċjo-ekonomiku.
“Dan minħabba l-fatt li torrijiet f’inħawi residenzjali qed ikomplu jogħlew u jħallu impatt negattiv fuq il-komunitajiet; il-bini ‘l barra miż-żoni tal-iżvilupp qed jikber b’mod allarmanti; iż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà qed ixekkel lill-koppji żgħażagħ milli jixtru djarhom u t-tkabbir ekonomijku sostanzjali ta’ malajr qed iġib miegħu problemi kbar fis-suq tal-proprjetà u t-tessut soċjo-ambjentali,” tkompli l-istqarrija.
Għalhekk ħeġġet lill-Gvern biex ma jħallix żvilupp mgħaġġeb u mhux sostenibbli jiddetta l-politika ekonomika ta’ Malta iżda jassigura li l-ekonomija tikber b’mod responsabbli b’tali mod li s-suq tal-proprjetà igawdi minnu l-ġid komuni tal-pajjiż.