BirdLife dubjuża dwar il-kwota imposta għall-insib tal-Malvizz u l-Pluviera

Tisħaq li l-istaġun għall-insib tal-Malvizz u l-Pluviera li se jiftaħ għada huwa żball

BirdLife Malta saħqet li qed tittama li l-Kummissjoni Ewropea ma ġietx mgħoddija biż-żmien billi ġiet imwiegħda mill-Gvern li se jikkontrolla l-kwoti u li se jirnexxilu jiżgura li dawn ma jinqabżux fil-każ tal-Pluvieri u l-Imlievez.

Il-kwoti nazzjonali maqbula għal dan l-istaġun huma ta’ 700 Pluviera u 5,000 Malvizz, iżda skont BirdLife, il-fatt li 1,500 nassab se jaqbdu biss il-kwota ta’ 5,700 għasfur f’xahrejn u nofs, "mhi xejn ħlief farsa."

Fi stqarrija, l-NGO saħqet li l-istaġun għall-insib tal-Malvizz u l-Pluviera li se jiftaħ għada huwa żball u din id-deċiżjoni se tkun qed tesponi lil Malta għal riskju serju li tiffaċċja kawża oħra quddiem il-Qorti Ewropea.

L-NGO fakkret fis-“sentenza storika” tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ta’ Ġunju li għadda li sabet lil Malta ħatja li kisret id-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar meta ppermettiet li jerġa’ jinfetaħ staġun tal-insib għal seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana fl-2014.

“Imma dan il-verdett tal-Qorti Ewropea bagħat messaġġ indirett lill-Gvern biex iwaqqaf ukoll l-istaġun tal-insib għall-Pluviera u l-Malvizz għax il-metodoloġija tal-qbid u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi hija l-istess bħal dik li tintuża fl-insib għall-għasafar tal-għana,” kompliet BirdLife.

Kompliet tisħaq li minkejja dan, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ħabbar li qed jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Ornis u se jkun qed jiftaħ l-istaġun tal-insib għal din is-sena wara li skont hu laħaq ftehim mal-Kummissjoni Ewropea.

Madanakollu, BirdLide saħqet li ġie mistoqsi ma’ min fi Brussell innegozja dan il-ftehim, il-Gvern s’issa għadu ma weġibx.


“Hu fatt magħruf li l-Kumissjoni Ewropea qatt ma taqbel ma’ derogi mal-pajjiżi u titlob biss ġustifikazzjoni wara li dawn jiġu implimentati,” kompliet l-NGO.

Mill-banda l-oħra hija esprimiet ukoll is-sodisfazzjon għall-fatt li l-Gvern intrabat li jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea fuq l-insib għall-għasafar tal-għana u li ġiet ippubblikata l-lista tal-imnasab irreġistrati f’Malta.

More in Politika