Minn għada jinfetħu żewġ karreġġjati oħra mill-Marsa għal Ħal Qormi
Dawn il-karreġġjati huma parti mit-tieni fażi tal-proġett tal-Marsa Junction

More in Politika
Dawn il-karreġġjati huma parti mit-tieni fażi tal-proġett tal-Marsa Junction
Minn għada, Infrastructure Malta se tiftaħ żewġ karreġġjati ġodda li jwassluk direttament mill-Marsa Junction ta’ ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata lejn Ħal Qormi.
Dawn il-karreġġjati l-ġodda fi Triq il-Gvern Lokali ser ikunu l-uniku aċċess għal Ħal Qormi (Triq il-Marsa) mit-toroq kollha fid-direzzjoni lejn it-tramuntana (Raħal Ġdid lejn il-Belt Valletta) li jingħaqdu flimkien fil-Marsa Junction.
Jekk tkun qed tivvjaġġa lejn Ħal Qormi minn Vjal Sir Paul Boffa (Kordin, Raħal Ġdid), Vjal Santa Luċija (Tarxien, Santa Luċija) u Triq Giuseppe Garibaldi (Luqa), jeħtieġ tgħaddi miż-żewġ karreġġjati ġodda ta’ Triq il-Gvern Lokali, maġenb id-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku u l-Istamperija tal-Gvern, biex taqbad Triq il-Marsa (ħdejn iċ-Ċimiterju tat-Torok).
Triq il-Gvern Lokali ser tkun ukoll il-konnessjoni bejn Triq Giuseppe Garibaldi u Triq Aldo Moro, lejn il-Belt Valletta b’mod temporanju sakemm titlesta konnessjoni diretta ġdida meta tinbena waħda mis-seba’ pontijiet li qed jiġu żviluppati bħala parti mill-fażi li jmiss tal-Marsa Junction Project.
Qabel ingħalqet biex tinbena mill-ġdid aktar kmieni din is-sena, Triq il-Gvern Lokali kienet tgħaqqad il-karreġġjata lejn it-tramuntana ta’ Triq Giuseppe Garibaldi ma’ Triq Aldo Moro. Meta kont tgħaddi minn din it-triq, kien hemm bżonn li qabel tidħol fi Triq Aldo Moro biex tibqa’ sejjer lejn il-Belt Valletta jew Ħal Qormi, tieqaf tistenna ħdejn l-Istamperija tal-Gvern biex iċċedi lil dawk li jkunu ġejjin minn Vjal Santa Luċija jew Vjal Sir Paul Boffa.
Permezz tal-karreġġjati l-ġodda li qed jinfetħu din il-ġimgħa bħala parti mit-tieni fażi tal-Marsa Junction Project, iż-żewġ karreġġjati lejn it-tramuntana ta’ Triq il-Gvern Lokali issa ser jingħaqdu ma’ żewġ karreġġjati diretti, waħda lejn Triq il-Marsa għal Ħal Qormi u oħra lejn Triq Aldo Moro, fid-direzzjoni tal-Belt Valletta u Santa Venera.
Il-Marsa Junction Project jinkludi l-bini ta’ toroq ġodda, sistema ta’ seba’ pontijiet f’livelli differenti, passaġġi u korsiji għall-mixi u għar-roti, faċilitajiet tal-park and ride, żoni msebbħa b’siġar u pjanti u infrastruttura. Hu stmat li l-proġett ser inaqqas b’mod drastiku l-ħin tal-ivvjaġġar u t-tniġġis tal-arja kkawżat mill-konġestjoni tat-traffiku billi jneħħi s-sistema preżenti ta’ traffic lights li hemm biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u minflokha jinbnew 12-il kilometru ta’ karreġġjatii ġodda li jwassluk b’mod dirett f’kull waħda mid-direzzjonijiet differenti li jingħaqdu flimkien f’dawn l-inħawi.