Joseph Muscat: Dak li għollieh, dak li baxxieh u dak li jista’ jkissru

Tlett ijiem oħra, Joseph Muscat se jkun fl-‘antiporta’, jew dieħel jew ħiereġ....ħarsa lejn is-suċċessi, il-kisbiet u l-iżbalji tiegħu fit-tmun tal-pajjiż ... ilejla analiżi dwar Simon Bususttil

Għaddew erba’ snin minn meta l-Malta Tagħna Lkoll kienet l-għajta tal-maġġoranza kbira tal-poplu. Għaddew erba’ snin minn meta Joseph Muscat ħa l-ġurament u sar PM ta’ pajjiżna. Donnu għaddew deċenji, donnu għaddew ħafna iktar minn hekk.

Bħal-lum ġimgħa Muscat se jpoġġi għall-akbar test politiku tiegħu s’issa, saħansitra ikbar minn dak tal-2013, għax dakinhar il-poplu ‘pruvah’, illum il-poplu qed jintalab jerġa’ ‘jikkonfermah’. Ir-riżultat tal-elezzjoni ta’ nhar is-Sibt se jkun ġudizzju demokratiku mhux ta’ dak li l-poplu jaħseb li se jkun Muscat, imma ta’ dak li fil-fatt kien meta kellu l-poter f’idejh.

F’din l-ewwel parti tal-analiżi taż-żewġ mexxejja politiċi li qed jaspiraw li jmexxu lil Malta se nħarsu lejn dak li għolla lil Muscat, lejn dak li baxxieh u lejn dak li jista’ potenzjalment ikissru.

 

L-enerġija li għollietu...

Muscat, mingħajr dubju kellu u għad għandu ċerta enerġija evidenti. Enerġija li xprunatu biex jattwa u jwettaq f’setturi fejn forsi ma twettaqx biżżejjed. Wieħed mill-fatturi li jistgħu jwasslu lil Muscat f’Kastilja hija l-idea ‘can do...will do’. Jidher illi l-enerġija ta’ Muscat wasslet biex inxterdet sew l-idea illi ma’ Muscat tasal xi darba, hemm enerġija biex isiru l-affarijiet mhux jibqgħu għal dejjem fuq l-ixkaffa.

Hemm lista sħiħa u twila ta’ liġijiet u miżuri li kienu ilhom ikunu diskussi u posposti li l-Gvern ta’ Muscat attwa. L-Att tal-Whistleblower, Liġi tal-Finanzjament tal-Partit, Liġi tal-Ġeneru, L-Unjoni Ċivili, Liġi dwar Koabitazzjoni, żieda fil-paga minima, il-bidliet fil-Liġi kontra l-Vilifikazzjoni u dwar iċ-ċensura. Dan il-Gvern introduċa l-użu tal-IVF u introduċa l-Morning After Pill, żewġ kwistjonijiet marbutin mar-riproduzzjoni, li kienu weħlu xi mkien taħt ħafna trab.

Din l-idea hija popolari ferm, għax ħafna jħossu li t-talbiet leġittimi tagħhom (u forsi anke illeġġittimi) jistgħu jinstemgħu u jintlaqgħu aktar minn Muscat. Din l-idea tmur oltre minn dak li huwa ta’ interess nazzjonali u jipperikola wkoll f’dak li huwa interess personali. Dawk li qed jistennew permess biex jiżviluppaw, dawk li għandhom interessi kummerċjali u oħrajn. Dawn mhux biss se jistaqsu kif sejrin illum imma wkoll taħt liema Gvern se jmorru aħjar jew għandhom l-aħjar prospett ta’ progress u tkabbir.

Dan jgħodd ukoll għal dawk il-faxex li taħt dan il-Gvern jew baqgħu l-istess jew saħansitra marru għall-agħar, fosthom dawk li jikru mingħand il-privat u li ffaċċjaw problema ta’ żieda astronomika fil-kirjiet. Dawn jistgħu jħossu li bil-Labour fil-Gvern, il-kwistjoni hemm iktar ċans li tkun iffaċċjata milli bil-PN fil-Gvern.

 

L-ekonomija li għamlitu popolari...

Il-fatt li f’dawn l-erba’ snin l-ekonomija Maltija kienet b’saħħitha u bħala pajjiż lħaqna quċċati fil-listi Ewropej għamel lil Muscat ‘par idejn sodi fuq it-tmun tal-pajjiż’. Il-qgħad huwa baxx, in-numru ta’ nies f’impjieg huwa għoli, il-finanzi tal-Gvern jinsabu f’saħħa hekk kif pajjiżna rreġistra l-ewwel surplus fi snin twal, resqin lejn sena oħra rekord fit-turiżmu...insomma dan kollu ħoloq f’dan il-pajjiż sensazzjoni pożittiva u ottimista, b’diversi setturi jikkonsolidaw u jirreġistraw tkabbir qawwi, fosthom il-kostruzzjoni, servizzi finanzjarji (anke jekk bħalissa taħt attakk minħabba l-Malta Files), is-settur tal-proprjetà, is-settur tal-lukandi u ristoranti, il-manifattura u s-settur kollu tal-ħaddiema tal-idejn (kisi/tibjid/gypsum/għamara).

Dan kollu għamel lil Muscat PM popolari u probabilment huwa l-effett ta’ dan is-sentiment mill-aktar pożittiv, flimkien mal-enerġija, li għadu qed jikkontribwixxi għall-fatt li Muscat għadu minn fuq kemm fil-fiduċja u anke b’distakk fuq il-PN.

 

L-inazzjoni li benġlitu...

Joseph Muscat, minkejja kull suċċess baqa’ ma tgħallimx lezzjoni importanti li kkontribwiet biex il-PN tilef kif tilef fl-2013. Dik is-sena il-poplu kien qal lill-Gvern tal-PN illi d-duħħan kien biżżejjed biex jemmnu li hemm in-nar, u allura kienu ġġudikawh b’mod negattiv.

Muscat jidher illi żamm ma’ ċerta tip ta’ strateġija li anke jekk weġġgħatu baqa’ jżomm magħha. Fil-każ tal-isparatura tax-xufier ta’ Manuel Mallia, il-pajjiż tħalla f’ansjetà għal ġranet sħaħ. Muscat stenna l-inkjesta li qalet illi dak ta’ Mallia ma kienx cover up biex jipproteġi lix-xufier tiegħu, imma li xorta naqas għax kellu jkun ċert li stqarrija ppublikata mill-Gvern ftit wara l-inċident kellha tkun preċiża u li bħala Ministru kien missu kkoreġa fejn instab li ma kienx korrett. L-istqarrija kienet tgħid li x-xufier spara ‘warning shots’ meta fil-fatt kienu nstabu bullets fil-karozza.

L-inċident seħħ fid-19 ta’ Novembru, imma l-PM talab għar-riżenja ta’ Mallia u neħħa lill-Aġent Kummissarju Ray Zammit fit-8 ta’ Diċembru, wara tliet ġimgħat ta’ drama politika.

Imbagħad kien hemm il-każ Gaffarena. F’dan il-każ ukoll Muscat stenna r-rapport tal-awditur ġenerali, f’liema żmien l-Oppożizzjoni għamlet il-kapital politiku kollu li naturalment setgħet tagħmel fuq każ mill-iktar imbarazzanti u skandaluż. Dan kien jitratta l-espropriju ta’ żewġ partijiet differenti ta’ proprjetà fi Triq Zekka.

F’dawn iż-żewġ każi imma, anke jekk imbarazzanti għall-Gvern u anke jekk xellfu xi ftit jew wisq l-immaġini ta’ Muscat, il-PM ħa azzjoni. Kemm Mallia kif ukoll Michael Falzon irreżenjaw.

L-għerq tal-problemi kollha ta’ Muscat tibqa’ għalhekk l-inazzjoni tiegħu fil-każ tal-kontijiet li Ministru u ċ-Chief of Staff tiegħu fetħu fil-Panama. Dan il-każ tebba’ isem il-Gvern bil-mistoqsijiet kollha li qamu u baqgħu jqumu. L-ewwel nett minħabba l-ġurisdizzjoni tal-Panama nnifisha, it-tieni għax Konrad Mizzi ma kienx iddikjara dan il-kont qabel ma fil-fatt kien żvelat u t-tielet u forsi l-aktar serja minħabba li skont informazzjoni li ħarġet mill-Panama Papers dan il-kont kellu jintuża għall-commissions u senseriji.

Il-każ Panama benġel sew lil Joseph Muscat, l-inazzjoni jew dak li jista’ jitqies bħala azzjoni ‘inadegwata’ għenet biex tinħoloq sensazzjoni illi 1) Muscat jibża’ minn Konrad Mizzi u Keith Schembri u/jew 2) Joseph Muscat huwa ħati wkoll u kellu jew għandu kont fil-Panama.

Minkejja li l-ġudizzju fuq Egrant għad irid joħroġ u minkejja li r-riżultat tal-istess inkjesta għad trid tkun ippubblikata, il-fatt li Muscat ma kienx deċiżiv biżżejjed fil-konfront ta’ Mizzi u Schembri lagħab tajjeb biex l-allegazzjoni fil-konfront ta’ Michelle Muscat titwemmen.

 

Il-kompliċità li tista’ tkissru...

U ladarba qed nitkellmu dwar l-allegazzjoni Egrant. Hija din l-allegazzjoni gravissima fil-konfront ta’ Michelle Muscat li tista’ tkisser il-karriera politika ta’ Joseph Muscat u tgħattan lill-Partit Laburista b’mod gravi.

Muscat għamel kalkolazzjoni, li ġurnata qabel ma’ ħabbar l-elezzjoni din il-gazzetta kienet ikkritikat, li jsejjaħ elezzjoni ġenerali hekk kif beda jara illi n-numri kienu tajbin. Il-kalkolazzjoni ma ħaditx inkwantu l-inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat Aaron Bugeja jista’ jkun li ma tkunx ippubblikata qabel l-elezzjoni ġenerali.

Din kienet kalkolazzjoni riskjuża, għax apparti li qed titfa’ pressjoni kbira fuq il-Maġistrat tista’ tħalli lill-poplu mhux informat dwar il-verità meta jmur jivvota.

Dan ifisser illi nhar it-3 ta’ Ġunju jista’ jkun li ma nkunux fil-fatt għalaqna l-kapitlu, hekk kif ikun għad fadal parti importanti ħafna mill-ħolqa kumplessa ta’ ġrajjiet li tkun għadha mhux mimlija.

Hu x’inhu. L-eżitu ta’ din l-inkjesta se jkun kruċjali u mument definittiv fil-karriera politika ta’ Joseph Muscat. Jekk ikun pruvat mingħajr ebda dubju li din l-allegazzjoni hija mibnija fuq ir-ramel, allura l-istatura politika ta’ Muscat tispara ’l fuq. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed provi biex jibdew proċeduri kontra Muscat, imma xorta jkun hemm sħaba ta’ dubju l-karriera politika ta’ Muscat tibqa’ dejjem taħt il-mantell tas-suspett u allura ma jkollhiex futur.

Jekk ikun pruvat li hemm verità fl-allegazzjoni, il-karriera ta’ Muscat tkun spiċċuta u l-Partit Laburista jbati konsegwenzi li jistgħu jkunu devastanti.

Ġudizzju Finali 

 Il-ġudizzju finali ta’ Muscat huwa li kien PM mimli ħeġġa u enerġija biex iġib bosta bidliet, biex joħloq klima ekonomika ottima u biex jixpruna ambjent ekonomiku tajjeb ħafna. Dan ħoloq ħafna xogħol, dawwar ir-rota u ġab miegħu perjodu ta’ paċi industrijali. Muscat beda jirnexxi fl-idea tal-ħolqien tal-ġid, biex imbagħad dan il-ġid jibda jkun ipperkolat fis-saffi t’isfel u mexxa wieħed mill-aktar Gvernijiet finanzjarjament kompetenti. Muscat kien ukoll promotur ewlieni għall-introduzzjoni ta’ diversi drittijiet ċivili u mexxa lil pajjiżna b’suċċess f’ħafna appuntamenti Ewropej u anke internazzjonali, uħud minnhom f’Malta stess.

Min-naħa l-oħra Muscat mexxa Gvern illi ma tantx kellu rispett lejn il-bżonn tat-trasparenza u l-kontabilità. Għamel żball gravi illi żamm miegħu Ministru li fetaħ kont f’ġurisdizzjoni dubjuża u għamel kalkolazzjoni politika ħażina meta ħaseb li din il-kwistjoni ma kinitx se tibqa’ tiġri warajh.

Muscat qed joffri dilemma lil ħafna votanti. Bejn huwa fdat iktar u preferut minn Busuttil, bejn huwa rikonoxxut illi f’dawn l-erba’ snin il-pajjiż għamel qabżiet konsiderevoli u min-naħa l-oħra għadu jinsab taħt sħaba sewda b’allegazzjonijiet serji fuqu u fuq martu. Bejn Muscat huwa meqjus bħala bniedem li għandu pjan u min-naħa l-oħra bniedem li mexxa kabinett li fih kien hemm min żgarra xi ftit mhux ħażin.

Nhar it-3 ta’ Ġunju Muscat se jkun ikkonfermat jew mkeċċi ’l barra?

More in Politika