‘Ġejt inwaslilkom messaġġ ta’ tama, li aħna ninsabu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja’

F’mass meeting f’Għawdex, Simon Busuttil sostna li l-proġetti kollha li saru f’Għawdex għandhom xi ħaġa komuni...li għamilhom il-PN

ritratt: James Bianchi
ritratt: James Bianchi

Il-Kap tal-Oppożizzoni Simon Busuttil fl-ewwel mass meeting fil-gżira Għawdxija għal din il-kampanja elettorali sostna li mill-għada tal-elezzjoni, il-Forza Nazzjonali lesta sabiex mill-għada tal-elezzjoni, lesta sabiex tmexxi. Saħaq li għandu l-ħeġġa u d-determinazzjoni li jibda jwettaq il-programm elettorali mmirat apposta għal Għawdex, sa mill-ewwel ġurnata, bir-riżultati jidhru fl-ewwel 100 jum.

Waqt il-mass meeting fir-Rabat Għawdex, Simon Busuttil qal li jinsab fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, “ġejt biex inwasslilkom messaġġ ta’ tama. Messaġġ li aħna ninsabu fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, u għandna biex inkunu kburin. Għandna tama li nhar is-Sibt, il poplu Malti se jikteb paġna ġdida li permezz tagħha, se jnaddaf mill-ġdid isem pajjiżna u jagħmilna kburin li aħna Maltin.”

Busuttil appella lill-Għawdxin sabiex iħarsu lejn il-proġetti li saru fil-gżira tul is-snin. “Dawn il-proġetti, wieħed wara l-ieħor li twettqu f’Għawdex, għandhom ħaġa komuni...li kollha għamilhom il-Partit Nazzjonalista. Joseph Muscat ma rnexxielux jibda u jispiċċa proġett.”

Il-Kap tal-PN, insista li l-programm tal-PN huwa mibni fuq pedamenti sodi ta’ politika onesta u mimli bl-entużjażmu. “Jonqos biss li nhar is-Sibt nivvutaw ħalli nibdew inwettqu dan il-programm, u jeħtieġ li fl-aħħar tlett ijiem, naħdmu kemm nifilħu biex nikkonvinċu kull vot.”

ritratt: James Bianchi
ritratt: James Bianchi

‘Jitla’ s-siparju għas-snin tad-deheb għal Għawdex’

Indirizza wkoll lil dawk preżenti għall-mass meeting fir-Rabat il-viċi kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami li sostna li erba’ snin ilu, il-Prim Ministru Joseph Muscat “għamilha l-missjoni tiegħu li jisraq il-vot tal-Għawdxin. Issa erba’ snin wara, idduru fuq Joseph Muscat u tgħidulu, dħakt bina, u tfakkruh fil-wegħdi li għamel u ma wettaqhomx.”

Kompla jisħaq li bil-Partit Nazzjonalista lura fil-Gvern, “fl-4 ta’ Ġunju, jitla’ s-siparju għas-snin tad-deheb għal Għawdex. L-Għawdxin, mhux biss ikollhom Ministru, imma wkoll Prim Ministru li jaf il-bżonnijiet ta’ Għawdex u jaf fejn irid iwassalkom.”

ritratt: James Bianchi
ritratt: James Bianchi

‘Mintoff libbisna qalziet u dan neżżagħhulna’

Il-Kap tal-Partit Demokratiku wkoll tkellmet matul il-mass meeting fir-Rabat u qalet kif taħt il-Forza Nazzjonali, se tinqata’ d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ kulur politiku. Waqt li elenkat il-kisbiet ta’ Gvernijiet Laburisti tul iż-żminijiet bħas-saħħa u edukazzjoni b’xejn u vot lin-nisa, Farrugia sostniet li, “Mintoff libbisna qalziet u dan neżżagħhulna.”

More in Politika