'Il-PN maħkum minn estremisti...ir-risposta tagħna għal dan l-estremiżmu hi l-id tal-ħbiberija'

Id-diskors ta' Muscat f'San Pawl il-Baħar iffoka fuq l-immigrazzjoni, il-kera għolja, ix-xogħol prekarju u l-estremiżmu tal-PN

F'San Pawl il-Baħar, il-Prim Ministru u Kap tal-Moviment Laburista, Joseph Muscat tkellem dwar l-immigrazzjoni li tant tinħass fil-lokalita, aktar fuq kollox u minn kullimkien. Qal li l-immigrazzjoni ma tiġġildilix billi tħalli l-immigranti jmutu fl-ibħra tagħna, iżda billi taħdem biex ma jkollhomx bżonn jitilqu minfejn qed jaħarbu. Muscat qal li dak se jkun ix-xogħol tal-Presidenza Maltija u mhux li nimxu ma' dawk l-estremisti li jgħidu li m'għandniex inħalluhom jidħlu f'pajjiżna. "Aħna mhu se nħallu lil ħadd imut jekk jista jkun, u lesti nsalvaw kull ħajja" qal fost l-applawsi tal-pubbliku preżenti. Qal ukoll li hu jaf bil-problemi li qed jiffaċċjaw ir-residenti ta' San Pawl il-Baħar li mhux minħabba l-kommunità sewda biss iżda minħabba komunitajiet oħra, anke barra l-Unjoni ewropea li dawn anke fuq partita Football jiġġieldu u jpinġu l-graffitti kontra xulxin fuq il-ħitan tal-lokal. 

Muscat qal li l-gvern tiegħu qed jaħdem biex ma jħallix barranin jinġabru mir-roundabouts biex jittieħdu għal xogħol imħallsin bil-ġurnata , "jekk iħallsuhom" u ma jħallsux taxxa. Issa waslet biex ssir liġi li min irid s-servizz ta' dawn il-barranin imur f'uffiċċju apposta, jikri s-servizz tagħhom u jrid iħallashom daqs il-Maltin biex b'hekk dawn ma jiħdux xogħol il-Maltin għax jitħallsu inqas.

Semma l-għoli tal-kirjiet li rduppjaw u qal li dan il-fenomenu ġie mill-fatt li hawn ħafna barranin li jaħdmu fl-i gaming li lesti jħallsu kirjiet għoljin. "Dawn il-kumpaniji ma jsibux maltin jitkellmu bil-lingwa Żvediża u Nordika biex jaħdmu fl-i gaiming u għalhekk iġibu l-ħaddiema minn barra li dawn ifittxu li jikru u ma tagħtix tort lil min ikollu l-proprjeta li jikrilhom bi ħlas tajjeb." Il-prim ministru qal ukoll li l-gvern biex jgħin lil dawk il-Maltin li għolitilhom il-kera rdoppja s-sussidju tal-kera.

Fl-aħħar semma l-fatt li l-Partit Nazzjonalista nħakem minn estremisti li saħansitra mhux qed jattaw lil partit Laburista, iżda wkoll lil sħabhom fl-Ewropa u anke lil deputati tagħhom li mhux estremisti.

Qal li hi faċli li tiġġieled din il-frazzjoni bl-istess mod. Iżda qal li r-rispota tal-gvern hi  l-id tal-ħbiberija. Fejn semma wkoll il-kritika li jkollu meta jinħatar xi ħadd laburista. Għax jiġi mkejjel li ntagħżel mhux għax hu kapaċi iżda għax hu laburist. Qal li l-Gvern tiegħu lest li jaħdem ma min hu kapaċi u lest li jaħdem u mhux għax Nazzjonalist u Laburist. Qal li mhux se jsemmi kemm nazzjonalisti ħadu postijiet importanti għax kapaċi jaħdmu u lesti li jaħdmu. "Ma rridx nsemmi ismijiet għax mhux ġust fuq l-individwi. Iżda l-Gvern tiegħi ma jridx jaħdem bis-sistema tal-blu u l-aħmar"

More in Politika