David Thake mistenni jirritorna fuq Radio 101 u Salvu Mallia bi programm fuq in-NET

Il-Partit Nazzjonalista kkonferma li biddel il-politika li kellu li kandidati tiegħu ma jistax ikollhom programmi tar-radju jew tv

Jidher li l-Partit Nazzjonalista, wara l-laqgħa li kellu mal-kandidati tiegħu fid-Dar Ċentrali, dwar 'Għaqda kontra l-akbar gvern korrott li qatt kellu dan il-pajjiż', biddel il-politika tiegħu li kandidati ma jistgħux jippreżentaw programmi fuq il-midja tal-partit.

Din il-politika ma tantx kienet tinżel tajjeb ma' kulħadd minħabba l-fatt li dawk il-kandidati li huma preżentaturi bħala l-professjoni tagħhom u għalhekk li jistgħu jwasslu messaġġ tal-partit tagħhom aktar b'saħħtu, ma kellhom qatt jitwaqqfu minn fuq il-midja tal-partit.

Hekk jidher li sar għax David Thake kellu joħloq stazzjon ġdid u jmur fuq sit privat biex jipprova jwassal il-messaġġ tiegħu xejn ma kien popolari u għalhekk se jerġa' jingħata l-ħin fuq Radio 101 għall-programm popolari fost in-Nazzjonalisti. Sorsi viċin il-PN qalulna wkoll li anke Salvu Mallia qed iħejji biex jippreżenta programm fuq l-istil inimitabbli tiegħu fuq NET TV.

Din il-bidla fil-politika tal-Partit, ġiet ikkonfermata mill-PN, hekk kif kelliem għall-Partit saħaq li fuq proposta ta' Simon Busuttil stess, ilbieraħ waqt il-laqgħa fid-Dar Ċentrali, il-Kunsill Amministrattiv illejla ddeċieda li jiftaħ il-media tal-partit għall-parteċipazzjoni sħiħa tal-kandidati tal-partit. 

Fil-fatt, f'mossa li ġiet deskritta bħala tisħiħ tal-mezzi tax-xandir tal-Partit, is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake qalet li, “Hemm numru ta’ kandidati tal-partit b’esperjenza u kompetenza kbira fil-media li jistgħu jgħinu lill-partit iwassal il-messaġġ tiegħu aħjar u se nitolbu l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fil-media tagħna.”

"Għalhekk, fil-jiem u ġimgħat li ġejjin, il-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista se jkunu mistiedna jżidu l-preżenza tagħhom fuq il-mezzi tax-xandir u jispjegaw lill-poplu Malti u Għawdxi għaliex hu kruċjali għal pajjiżna li fl-elezzjoni li ġejja jitneħħa l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna," kompla jgħid il-kelliem tal-Partit.

Minkejja dan, meta mistoqsi dwar Salvu Mallia u programm eventwali tiegħu fuq l-istazzjon NET, il-kelliem għall-Partit qal li Salvu huwa eliġibbli bħal kull kandidat ieħor, u hija biss deċiżjoni tiegħu issa.

More in Politika