L-Ewropa għandha bżonn urġenti ta’ politika fuq l-immigrazzjoni lokali – Alfred Sant

Uħud mill-pajjiżi tal-UE għandhom bżonn immigranti biex jaħdmu f’pajjiżhom

Fl-aħħar l-Ewropa qed tipproponi li tikkontrolla t-traffikar tal-bnedmin - Alfred Sant
Fl-aħħar l-Ewropa qed tipproponi li tikkontrolla t-traffikar tal-bnedmin - Alfred Sant

L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant qal li l-Ewropa għandha bżonn urġenti ta’ politika fuq l-immigrazzjoni lokali. Sant qal li wieħed jittama li l-pajjiżi Ewropej idaħħlu s-soldarjeta` fl-aġenda politika tagħhom u jilqgħu sistema aktar ġusta ta’ tqassim ġust ta’ immigranti irregolari f’pajjiżhom. “Għandna bżonn urġenti ta’ politika Ewropea fuq l-immigrazzjoni. Waqt li l-influss ta’ immigranti irregolari huwa ta’ inkwiet għal ħafna, uħud mill-pajjiżi tal-UE għandhom bżonn immigranti biex jaħdmu f’pajjiżhom. Hija verita’ li l-problemi maħluqa minn immigrazzjoni irregolari tal-massa jistgħu jiġu biss solvuti b’titjib li jagħti tama ġdida fil-pajjiżi mnejn qed jaħarbu l-istess immigranti” qal Alfred Sant waqt li ndirizza lill-Parlament Ewropew fi Strasbourg.

Sant qal li fl-aħħar l-Ewropa qed tipproponi li tikkontrolla t-traffikar tal-bnedmin. “Nittama  li l-pajjiżi tal-UE jpoġġu s-solidarjeta’ fuq l-aġenda politika tagħhom u jaċċettaw sistema aktar ġusta ta’ riallokazzjoni ta’ immigranti irregolari.”

Temm jgħid li wieħed irid iżomm prijoritajiet oħra f’moħħu. “Uħud mill-immigranti qed ifittxu ażil. Soluzzjoni għall-problema li ġegħlithom jitilqu minn pajjiżhom ħafna drabi tfisser azzjoni militari mill-kommunita` internazzjonali li ħafna drabi mhix possibli ssir mill-UE.  L-immigranti irregolari jippruvaw itejbu ħajjithom għax f’pajjiżhom ma jeżistu l-ebda opportunitajiet. Fil-passat falliet l-għajnuna għall-iżvilupp biex ittejjeb il-kundizzjonijiet ekonomiċi fl-Afrika. Irridu nifhmu għala ġara dan u mbagħad nagħmlu programm li jiġġenera l-iżvilupp u l-impjiegi.” 

More in Politika