Jekk jirbaħ il-‘le’ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ma jinfetaħx

Ir-referendum abrogattiv dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa...

Wara li nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Jannar il-Qorti wittiet id-dritt biex isir ir-referendum abrogattiv dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, skatta mal-ewwel il-pjan ta’ azzjoni bejn dawk li huma favur li titkompla l-kaċċa fir-rebbiegħa u dawk kontra.

Dan ir-referendum hu possibli wara li 41,494 votant Malti ffirmaw il-petizzjoni li kienet titlob biex dan il-proċess isir. Il-pass li jmiss issa għalhekk huwa li l-Maltin se jkunu jistgħu jsemmgħu leħinhom permezz tal-vot tagħhom f’jum ir-referendum nhar il-11 t’ April, liema data s-soltu tagħti bidu għall-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Imma din is-sena, jekk jirbaħ il-‘Le’, l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa ma jiftaħx.

Din il-gazzetta tkellmet ma’ Romina Tolu, ko-ordinatriċi tal-Koalizzjoni Kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa li spjegat il-proċess li wassal għal dan ir-referendum abrogattiv. “Il-proċess li għaddejna minnu biex wasalna s’hawn kien wieħed twil. Wara li għall-ewwel darba f’Malta ngħaqdu kważi l-għaqdiet ambjentali kollha f’koalizzjoni, l-ewwel pass kien li jinġabru l-firem biex isir referendum.”

Tolu qalet li b’kollox inġabru madwar 44,000 firma, li jammontaw għal iktar mill-10% tat-total tal-votanti, kif kien meħtieġ. “Dawn il-firem ġew ivverifikati mill-Kummissjoni Elettorali li f’Lulju 2014 infurmat lill-Qorti Kostituzzjonali li kien hemm 41,494 firma valida biex jissejjaħ referendum abrogattiv dwar l- avviż legali li jippermetti deroga għal kaċċa tas-summien u l-gamiem fir-rebbiegħa.”

Ta’ min isemmi wkoll li, kif kellhom kull dritt, żewġ għaqdiet tal-kaċċaturi, il-Kaċċaturi San Umbertu (KSU) u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) ippreżentaw l-oġġezzjonijiet tagħhom għar-referendum abrogattiv fil-bidu ta’ Ottubru 2014.

Mitluba tikkummenta dwar dan il-fatt il-ko-ordinatriċi tal-koalizzjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa qalet “Għall-oġġezzjonijiet dawn iż-żewġ għaqdiet ġew ippreżentati tweġibiet kemm mill-għaxar promuturi tar-referendum kif ukoll minn oħrajn, fosthom il-Prim Ministru u l-Kummissjoni Elettorali. Dan wassal biex eventwalment il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-oġġezzjonijiet tal-għaqdiet tal-kaċċaturi u kkonfermat li ma teżisti ebda waħda mir-raġunijiet imsemmija biex ma jsirx ir-referendum u għalhekk qalet li r-referendum jista’ jsir.”

Intant, ġurnata wara d-deċiżjoni tal-Qorti, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li d-data tar-referendum ġiet iffissata għall-11 t’April biex b’hekk issa bdiet kampanja ta’ informazzjoni li se tieħu tliet xhur.

Tkellimna ma’ Romina Tolu fuq il-fatt li r-referendum abrogattiv se jressaq mistoqsija quddiem il-votanti li tgħid: “Taqbel li d-dispożizzjonijiet tar-regolamenti dwar qafas biex tiġi permessa deroga li tiftaħ l-istaġun tal-Kaċċa tal-Gamiem u tas-Summien fir-Rebbiegħa għandhom jibqgħu fis-seħħ?” “Min ma jaqbilx mal-kaċċa fir-rebbiegħa għandu jivvota ‘le’” kienet ir-risposta mmedjata ta’ Tolu.

F’kummenti li tat Tolu, semmiet tliet punti għala din il-koalizzjoni qed tgħid għall-kaċċa fir-rebbiegħa. “Qed ngħidu ‘le’ għall-kaċċa fir-rebbiegħa għax il-qtil tal-għasafar huma u jpassu minn fuq il-gżejjer Maltin fi triqithom biex ibejtu fl-Ewropa huwa totalment inaċċettabbli. Nemmnu li dawn l-għasafar għandhom kull dritt li jpassu minn fuq Malta mingħajr ma jkunu fil-periklu fi triqithom biex ibejtu.”

“Le għax ir-rebbiegħa hu ż-żmien li fiha l-kampanja Maltija tieħu l-ħajja. Imma sfortunatament hemm ħafna familji li minkejja li jixtiequ, jibżgħu joħorġu fil-kampanja waqt l-istaġun tal-kaċċa. Mhux wieħed u tnejn huma l-passaġġi pubbliċi okkupati illegalment. Ir-rebbiegħa għandu dritt li jgawdiha kulħadd.”

“Aħna ngħidu ‘le’ għal-kaċċa fir-rebbiegħa għax nemmnu li l-arranġamenti sigrieta bejn il-kaċċaturi u l-Gvernijiet differenti mmexxija miż-żewġ partiti l-kbar li permezz tagħhom il-kaċċaturi ngħataw bosta privileġġi mhux il-mod kif taħdem demokrazija moderna. Nemmnu li dawn l-affarijiet għandhom jinbidlu fil-pajjiż. Il-pajjiż jixraqlu aħjar.”

Staqsejna lil Tolu jekk hemmx raġunijiet oħrajn għalfejn il-kaċċa fir-rebbiegħa trid tinqata’. “Li tiftaħ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa hija illegali fl-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva tal-Għasafar. Minkejja dan Malta ilha tapplika deroga, li tfisser eċċezzjoni għal-ligi, kull sena. Ir-raġuni għalfejn il-kaċċa fir-rebbiegħa ma tistax issir fl-Ewropa, u r-raġuni għalfejn il-kaċċa fir-rebbiegħa ma jsirx f’kważi l-Ewropa kollha hija li l-qtil ta’ għasfur li se jbejjet fir-rebbiegħa qatt mhu sostenibbli.  Fir-rebbiegħa tal-2014, il-Gvern Malti għoġbu jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa li fiha 10,000 kaċċatur setgħu joqtlu 11,000 gamiema u 5,000 summiena. Mad-daqqa t’għajn huwa ovvju li dawn in-numri ma’ jagħmlux sens, għax ifissru li anke jekk kull kaċċatur jaqbad biss żewġ għasafar, l-istaġun suppost għalaq wara l-ewwel ġurnata.”

Il-ko-ordinatriċi tal-koalizzjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa qalet li dan hu dak li jrid iwettaq ir-referendum. “Ir-referedum abrogattiv hu intenzjonat li jagħti ħarsien lill-għasafar fl-iktar żmien tas-sena li jeħtieġuh. Il-jum li fih anke f’Malta nagħtu dan il-ħarsien qiegħed joqrob. Jum li fih il-kaċċa fir-rebbiegħa tispiċċa darba għal dejjem. Ir-referendum tal-11 t’April għandu jkun l-istrument li jwassal għal din il-bidla f’Malta.”

Tkellimna ma’ Tolu dwar il-fatt li l-għaqdiet tal-kaċċaturi qegħdin jgħidu li l-kaċċa fir-rebbiegħa hija dritt irriservat għal “minoranza” fis-soċjetà. “Qegħdin jgħidu wkoll li warajhom imisshom “minoranzi” oħrajn. Din hija kampanja qarrieqa minn naħa tagħhom. Il-kaċċa fir-rebbiegħa mhiex dritt. L-istaġun jiftaħ għal ġimagħtejn f’April però l-kaċċaturi għandhom ukoll temp ta’ ħames xhur fil-ħarifa biex imorru għal kaċċa.”

Il-kelliema sostniet li l-kaċċa hi attività regolata u meta dan isir b’mod mhux sostenibbli jkun hemm bżonn li tieqaf.  Qalet ukoll li l-iżjed żmien li l-kaċċa teħtieg li tkun regolata hu fir-rebbiegħa meta l-għasafar ikollhom bżonn il-protezzjoni għax ikun iż-żmien li jbejtu.

Tolu qalet “L-FKNK għad ma tistax taċċetta li f’numru ta’ każijiet meta l-poplu jkun xeba’ b’politiċi li ma jiddeċidux huwa għandu l-għodda biex jiddeċiedi minflok. Wasalna s’hawn minħabba li ż-żewġ partiti politiċi fil-Parlament tul is-snin baxxew rashom għal dak li riedu l-kaċċaturi. Huwa bis-saħħa tar-rieda popolari li fl-aħħar se jkun possibli biex flimkien inħassru l-iżbalji tal-passat u biex il-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta tispiċċa darba għal dejjem.”

Il-ko-ordinatriċi tal-koalizzjoni kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa temmet tgħid li fil-11 t’April 2015 huwa importanti li kulħadd joħroġ jivvota “Li ssemma’ leħnek f’referendum abrogattiv huwa d-dritt tiegħek bħala ċittadin Malti. Ir-rwol tal-Gvern f’dan il-proċess hu biss ta’ spettatur iħares u josserva x’inhu jiġri. Issa huwa xogħolna li nassiguraw li din il-bidla finalment isseħħ f’pajjiżna u dan billi nivvutaw LE.”

More in Politika