It-tanker fil-Port ta’ Marsaxlokk: is-sindki rashom mistrieħa, iżda l-kunsillieri tal-PN jappellaw għall-kawtela

Sa sena ilu, il-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-powerstation kienu fuq fomm kulħadd. Uħud ħasbu li wara li tintemm il-kampanja elettorali tal-2013, dawn it-temi kienu ser jintesew. Iżda dan ma ġarax. Matul l-ewwel sena ta’ Gvern Laburista, il-ħażna tal-gass u l-bini ta’ powerstation ġdida ppredominaw ix-xena politika fost oħrajn.

Hemm kritika qawwija għall-impatt viżwali negattiv li dan il-proġett se jħalli fuq il-bajja ta’ Marsaxlokk
Hemm kritika qawwija għall-impatt viżwali negattiv li dan il-proġett se jħalli fuq il-bajja ta’ Marsaxlokk

Waqt il-bosta diskussjonijiet li tħejjew f’dan ir-rigward, fihom sar appell qawwi biex it-tanker tal-ħażna tal-gass li se jforni l-powerstation jitpoġġa barra l-Port ta’ Marsaxlokk.

Kien hemm ukoll kritika qawwija għall-impatt viżwali negattiv li dan il-proġett se jħalli fuq il-bajja ta’ Marsaxlokk, kif ukoll fuq il-prezz tal-proprjetà f’din iż-żona tan-naħa t’isfel ta’ Malta.

Għaldaqstant, il-gazzetta ILLUM tkellmet mas-sindki ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, kif ukoll ma’ żewġ kunsilliera tal-lokalitajiet rispettivi dwar din il-kwistjoni.

Is-sindku Laburista ta’ Marsaxlokk, Edric Micallef, qal li diġà saru studji preliminari li minnhom ġie determinat il-pożizzjoni ta’ dan it-tanker b’mod li jkun sigur. Il-Kunsill Lokali huwa infurmat li qed isiru studji oħra indipendenti fosthom mill-OHSA (Awtorità dwar is-Saħħa u Sigurtà) sabiex jiġi żgurat li m’hemmx periklu. 

Hu qal li dawn l-istudji mhux biss qed jaraw il-probabbiltà li jiġri xi ħaġa imma biex jiġi żgurat li jekk isir xi inċident l-effett tiegħu ma jkunx ta’ periklu għar-residenti.

“Il-Ministru responsabbli għamilha ċara li jkunu xi jkunu r-rakkomandazzjonijiet ta’ dawn l-istudji ħa jimxu fuqhom għax is-sigurtà hija l-ewwel prijorità. Jekk dawn l-istudji jikkonfermaw li m’hemmx periklu allura ma jkunx hemm għalfejn wieħed jinkwieta mill-aspett ta’ sigurtà.”

Mistoqsi x’inhi l-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk f’dan ir-rigward, hu wieġeb li l-Kunsill irid li jkun żgurat permezz tar-rapporti msemmija li ma hemmx periklu għar-residenti. “Għaldaqstant bħal kif għamilna dejjem, nistennew dawn ir-rapporti, imbagħad wieħed ikun jista’ jitkellem dwarhom.”

Is-sindku ammetta li l-maġġoranza tar-residenti ma jridux it-tanker fil-Port ta’ Marsaxlokk. Hu spjega kif bħala parti mill-EIA sar studju soċjali fejn kampjun ta’ nies ġew mistoqsija jekk it-tanker jippreferuh li jkun ġol-port jew barra l-port ta’ Marsaxlokk. 

“Huwa ovvju li għal mistoqsija bħal dik, il-maġġoranza assoluta wieġbu li jippreferu li t-tanker ikun barra. In-nies ta’ Marsaxlokk jippreferu li kieku l-powerstation qatt ma saret ġewwa Marsaxlokk mill-bidu nett u Delimara għadha sabiħa kif kienet.”

F’kummenti mal-ILLUM, Micallef sostna li għar-residenti ta’ Marsaxlokk il-proġett huwa essenzjali għax permezz tiegħu se nkunu qed neliminaw kompletament l-użu tal-HFO mill-powerstation ta’ Delimara.

“Ma rridux ninsew li fl-aħħar mill-aħħar dik hija l-kwistjoni prinċipali: biex ikollna arja aktar nadifa. Biex taqleb għall-gass bilfors li jrid ikollok ħażna ta’ gass.”

Is-sindku fisser kif l-ewwel proposta kienet li l-ħażna tal-gass tkun tankijiet mibnijin fuq l-art. Imbagħad kien hemm l-għażla li tkun fuq tanker fuq il-baħar li l-Kunsill qabel magħha għal żewġ raġunijiet: biex ma jsirx aktar sfreġju fuq il-peniżola ta’ Delimara u biex meta l-pajjiż ikollu sors ta’ gass permezz ta’ pipeline, dan it-tanker ikun jista’ jitneħħa malajr aktar milli kieku jkunu tankijiet fuq l-art.

Micallef sostna li għaldaqstant il-Kunsill Lokali jixtieq li l-proġett isir kemm jista’ jkun malajr ħalli naqilbu malajr għall-gass. Jixtiequ wkoll li jsiru l-istudji kollha neċessarji biex jiġi żgurat li ma hemm l-ebda periklu.

“Nixtiequ li l-Gvern ikompli jaħdem fuq il-proposta tal-pipeline tal-gass minn Sqallija sabiex dan it-tanker fil-port ta’ Marsaxlokk ikun għal żmien temporanju,” qal is-sindku ta’ Marsaxlokk.

F’kummenti ma’ din il-gazzetta, is-sindku Laburista ta’ Birżebbuġa, Joseph Farrugia, qal li t-tanker se jkun f’żona mbiegħda mir-residenti ta’ Birżebbuġa.

Hu qal li kellu bosta laqgħat mal-Ministru Konrtad Mizzi. “Dejjem kelli kuntatt kontinwu mal-esperti li serħuli rasi u ddikkjaraw li dal-proġett mhux perikoluż daqskemm qed jingħad.”

Is-sindku qal li r-residenti ta’ Birżebbuġa dejjem għexu maġenb “bomba atomika u qatt ħadd ma ddefendiena.” 

Hu elenka numru ta’ fatturi li ġraw matul l-aħħar snin. “Minn dejjem kellna tankijiet fil-qalbha tagħna, il-vapur tal-gass għadu jidħol hawn. U xi ngħidu għal Freeport? Min jaf x’kimika radjuattiva tidħol u ħadd m’allarmana,” sostna s-Sindku Laburista b’ton kemxejn urtat.

Farrugia ammetta li jkun aħjar li kieku t-tanker jipparkja barra mill-Port ta’ Marsaxlokk. 

“Jien nixtieq li kieku t-tanker jipparkja barra l-port. Iżda Birżebbuġa huwa post industrijali. Kif jistgħu jipparkjaw barra mill-port?”

Is-Sindku qal li lanqas huwa kuntent bil-powerstation ta’ Marsaxlokk.

“Ma nafx għalfejn lill-poplu qed jallarmawh issa. Għalfejn m’allarmawhx qabel?” b’referenza għall-użu tal-HFO.

Il-kunsillier ta’ Marsaxlokk f’isem il-PN, Angelo Micallef, qal li jekk hemm xi ħaġa li hija ċara daqs il-kristall hija r-rieda tal-maġġoranza tar-residenti ta’ Marsaxlokk. Maġġoranza li filwaqt li taqbel li nduru għall-użu tal-gass sabiex niġġeneraw l-enerġija, tinstab imħassba dwar il-mod kif jidher li se ssir il-ħażna ta’ dan il-gass. 

“L-impenn tiegħi bħala kunsillier fil-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk huwa li d-deċiżjonijiet li jieħu l-gvern ikunu jirriflettu x-xewqa tar-residenti tal-inħawi. Huwa ċar li f’xi ħaġa hekk delikata jeħtieġ li jsiru l-istudji kollha meħtieġa mbagħad ikun biss f’dak l-istadju li jittieħdu d-deċiżjonijiet tekniċi.”

L-Avukat Micallef tenna li żgur m’hemmx lok li jsir xi kompromess mal-aqwa ġid tar-residenti u bħala Kunsillier se jibqa’ jinsisti sabiex il-Kunsill jaġixxi b’dan il-mod. “Sejjer ukoll nibqa’ ninsisti li l-mistoqsijiet li l-Kunsill Lokali qajjem fir-rapport tiegħu jiġu mwieġba fis-sħiħ. L-istess jgħodd għal mistoqsijiet oħra li qamu f’dawn l-aħħar jiem u li żgur kull resident għandu bi dritt jistenna risposta għalihom.”

Micallef saħaq li fuq livell personali, bħala resident ta’ Marsaxlokk, jaqbel mal-maġġoranza tar-residenti Xlukkajri li l-LNG Gas Terminal m’għandux isir fil-bajja ta’ Marsaxlokk iżda ’l barra, anke jekk dan ifisser li l-investiment mill-gvern irid ikun akbar. 

“It-tama tiegħi hi li l-gvern jieqaf mill-għaġla esaġerata tiegħu u jagħmel l-affarijiet b’għaqal sabiex il-proġett ikun wieħed ta’ ġid għar-residenti u mhux ta’ theddida minn diversi angoli kif sfortunatament s’issa jidher li ser ikun il-każ,” sostna Micallef.

L-Inġinier Stanley Zammit, li hu wkoll kunsiller fil-lokalità ta’ Birżebbuġa, qal li jikkonsidra bl-aktar mod favorevoli l-objettiv li jorħsu l-ispejjeż sabiex jiġi ġġenerat jew jinxtara l-elettriku, u b’hekk jorħsu l-kontijiet, u li dan isir bl-aktar mod nadif possibbli. L-użu tal-gass naturali mhux ikkontestat. 

Hu qal li anke jekk l-aħjar għażla tibqa’ dejjem dik ta’ pipeline, bħal 91% tar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa. Kif jidher fis-Social Impact Assessment, bħalma hu mistqarr fir-rapporti ppreżentati mill-Kunsilli Lokali tal-istess lokalitajiet, u bħalma kien espress minn diversi esperti u NGOs, inħoss li t-tieni l-aħjar għażla hi l-ħażna tal-LNG. Iżda l-perikli li ġġorr magħha għandhom ikunu barra l-port ta’ Marsaxlokk.

“Din hija għażla ħafna aktar sigura, viżwalment aħjar u ma jiġix żgombrat aktar il-Port. Dan huwa possibbli u sar f’pajjiżi oħra,” sostna Zammit.

Il-Kunsillier f’isem il-PN qal li qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet hemm bżonn aktar studji bħal Maritime Impact Assessment, Major Accident Prevention Policy, Alternative Sites Analysis u Studju Soċjali aktar komprensiv. 

“Dawn għandhom jieħdu l-ħin li hemm bżonn sabiex isiru sew. Ma jistgħux jittieħdu deċiżjonijiet għaqlin ibbażati fuq rapporti preliminari, magħmula bl-għaġla u mimlija nuqqasijiet,” enfasizza Zammit.

Hu sostna li l-MEPA, waqt li hija obbligata li tikkunsidra bis-serjetà l-preokkupazzjonijiet tar-residenti, għandha tkun sodisfatta illi għażla oħra fejn jista’ jitpoġġa t-tanker tal-LNG barra l-port ġew ikkunsidrati.

“Is-Saħħa u s-Sigurtà tan-nies għandhom jiġu qabel kull konsiderazzjoni oħra,” temm jgħid l-Inġinier Zammit.

More in Politika