L-ambjentalisti jittamaw li l-politiċi jibdew jieħdu passi favur l-ambjent naturali

Matul il-kampanja elettorali tal-2013, l-ambjent naturali tagħna beda jissemma kemmxejn aktar minn kampanji elettorali preċedenti. Jista’ jkun ukoll minħabba l-proposta ta’ bini ta’ powerstation ġdida. Iżda ċertament li l-poplu Malti u Għawdxi dejjem aktar qed isir konxju tal-importanza li nħarsu l-kampanja ta’ pajjiżna.

Il-Ministeru qiegħed jappoġġja proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea
Il-Ministeru qiegħed jappoġġja proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat spjega li kif inhu mwiegħed fil-Manifest Elettorali l-ambjent naturali tagħna huwa prijorità ewlenija għal dan il-Gvern. Il-Gvern għaldaqstant hu impenjat biex dak imwiegħed jitwettaq. Dan il-proċess ser jissaħħaħ aktar bit-twaqqif tal-Awtorità tal-Ambjent.

Il-Ministru fisser kif dan il-proċess li ilu għaddej u baqa’ jsir xogħol fuqu matul is-sena 2013 anke permezz ta’ proċessi ta’ SEAs (Strategic Environmental Assessments) u EIAs (Environmental Impact Assessments) flimkien ma’ evalwazzjoni ambjentali.

“Tant hu hekk li l-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Iskart li ġie mniedi mill-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima kien ukoll suġġett għall-iskrutinju ta’ Strategic Environmental Assessment. Dan sabiex ikun żgurat li l-politika finali ma jkolliex impatt negattiv fuq l-ambjent anke mill-aspett tal-ambjent naturali.”

Il-Ministeru qiegħed jappoġġja proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea għall-ħarsien ambjentali, kompla l-Ministru Brincat, speċjalment dawk marittimi, li tagħhom il-MEPA sal-lum għandha r-responsabbiltà ewlenija.

B’żieda ma’ dan, il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima qed jappoġġja numru ta’ għaqdiet mhux governattivi (NGOs) sabiex imexxu żoni naturali. Dawn jinkludu l-Park tal-Majjistral, l-Għadira, Simar, Għajn Tuffieħa, Wied Għollieqa u r-Ramla l-Ħamra.

Il-Proġett tal-EAFRD huwa mmexxi mill-MEPA li f’dan l-istadju ma taqax taħt il-Ministeru tal-Ambjent. L-għan tal-EAFRD  hu li jfassal pjan ta’ immaniġġjar ta’ żvilupp għal Terrestrial Sites Natura 2000. Pjan li mistenni li joħroġ aktar tard matul is-sena. Dan għandu jkun ta’ xprun għall-gvern biex jistabbilixxi l-pass li jmiss sabiex nimxu ’l quddiem anke f’dan il-qasam.

“Bħala Ministeru ħa nkunu qed naraw b’attenzjoni kbira li jkun żgurat li l-politiki dwar il-pjan il-ġdid tal-Iżvilupp Rurali, jħarsu l-ambjent naturali f’pajjiżna b’rabta mal-Politika tal-Agrikoltura Komuni,” qal il-Ministru Brincat.

Il-Ministru tenna li b’mod parallel, il-Ministeru qed jiżgura li fil-koordinazzjoni tat-tħaddim tal-Pjan tal-Iżvilupp Rurali skont il-Politika Agrikola Komuni nnifisha, huwa meħtieġ li jiġu allokati 30% tal-fondi għall-ambjent u t-tibdil tal-klima.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Charlo Bonnici qal li sfortunatament, minkejja l-wegħdi elettorali li għamel, dan il-gvern qiegħed jagħmel ftit li xejn għall-ambjent naturali tagħna, anzi fil-verità qed jagħmel il-kontra. Dan tixhdu l-aktar il-kritika kontinwa tal-ambjentalisti li qed iħossu li l-Gvern qed jimxi b’insensittività u għaġġla kbira fit-teħid ta’ deċiżjonijiet marbuta mal-ippjanar. 

“L-ewwel rajna l-Gvern joħroġ sejħa għall-espressjonijiet biex isiru proġetti ta’ bini fuq art reklamata mingħajr ma għamel l-istudji meħtieġa, imbagħad iddeċieda li jirrevedi l-politika mill-aktar importanti bħal dawk dwar l-ODZ, ir-reviżjoni tal-pjani lokali u l-Floor Area Ratio Policy fost l-oħrajn, mingħajr mal-ewwel stenna li jiġi konkluż il-Pjan Nazzjonali dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (l-iSPED). Il-biża’ ta’ ħafna, inkluż tal-Oppożizzjoni huwa li dan il-Gvern huwa kommess mal-iżviluppaturi biex isir ċertu żvilupp, bi tpattija għall-appoġġ li tawh fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Inħoss li l-ambjent naturali u l-ftit art li fadlilna qed nissagrifikawhom għall-konvenzjenza politika u ngħiduha kif inhi, għall-poter,” qal Bonnici.

Fl-istess waqt, minkejja l-ħafna kliem fuq road maps u pjani, kompla Bonnici, għadna ma smajna xejn fuq azzjoni konkreta favur, ngħidu aħna, il-ħarsien tas-siġar, minkejja li twaqqaf kumitat u suppost li tlesta rapport. 

Hu jħoss li minkejja r-rieda tajba, il-Ministeru tal-Ambjent jinsab f’pożizzjoni dgħajfa fejn ftit li xejn jista’ jagħmel  biex iwaqqaf l-isfreġju fuq l-ambjent naturali tagħna. 

“Kif ġara, ngħidu aħna, meta sar tqaċċit bl-addoċċ ta’ siġar fi skola pubblika jew tneħħa blat u saret ħsara lill-biodiversità fil-bajja ta’ San Blas, f’Għawdex,” temm jgħid il-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-ambjent.

Astrid Vella, president ta’ Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA) ma taqbilx li l-Gvern qed jaddotta biżżejjed miżuri favur l-ambjent naturali tagħna. “Aħna naħsbu li r-realtà turi l-oppost. Mhux biss il-Gvern mhux qiegħed joffri l-protezzjoni meħtieġa lill-ambjent naturali tagħna, imma bil-politika favur l-industrija agrarja, il-Gvern qiegħed iħaffef id-deterjorament tal-kampanja tagħna.”

Vella fissret kif filwaqt li l-FAA hi favur it-turiżmu agrikolu, minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna u l-fatt li l-villaġġi huma viċin ħafna tal-kampanja, l-FAA tisħaq li huwa iktar għaqli u sostenibbli li jsir użu mill-ħafna proprjetajiet vojta li nsibu fl-ibliet u l-irħula tagħna. 

“Dan nagħmluh minflok ma noqogħdu nibnu fuq art verġni. Aħna ninnutaw li l-politika l-ġdida ta’ dan il-gvern ma tinċentivax l-użu ta’ art kbira ta’ rziezet industrijali li kienu ġew abbandunati.”

Vella spjegat li mhux biss l-art verġni ser tkun affettwata, iżda wkoll it-toroq ġodda li se jkollhom jinbnew. 

“Il-Gvern mhux qed iżomm f’moħħu li se jkun hemm il-bżonn li jinbnew toroq u żoni ġodda. Dan minbarra li t-traffiku ser jiżdied fil-kampanja minn dawk li jipprovdu s-servizz f’dawn iż-żoni turistiċi ġodda.”

Barra minn hekk, ir-regolamenti l-ġodda ma jistipulawx li jekk dawn l-impriżi l-ġodda jfallu, l-faċilitajiet agroturistiċi jkollhom jerġgħu jirritornaw lura għall-istat oriġinali tagħhom. 

“Dan jista’ jwassal għall-bini ta’ numru sew ta’ vilel f’żoni ODZ fil-futur qarib.”

“Naħseb li ma nkun qed ngħid xejn ħażin, u lanqas ħadd ma jmerini jekk nistqarr li storikament, il-konservazzjoni tal-ambjent u n-natura ġew politikament imwarrbin f’Malta, l-istess bħal ma ġara fil-biċċa l-kbira tal-Ewropa u l-bqija tad-dinja,” qal kelliem għal BirdLife Malta f’kummenti mal-gazzetta ILLUM.

Hu sostna li kienet ħtija ta’ din it-traskuraġni li nħolqu ħafna mill-problemi ambjentali li Malta llum qiegħda tiffaċċja. L-ambjentalist qal li mhux qed nitkellem fuq xi theddid astratt li jista’ jolqotna xi darba fil-ġejjieni, imma fuq problemi veri li qegħdin jolqtuna issa – fis-saħħa u l-benesseri tagħna, fil-kwalità ta’ ħajjitna, u fis-saħħa tal-pjanti, l-annimali u forom oħra ta’ ħajja selvaġġa li bilkemm ħallejnielhom spazju biex ikomplu jgħixu magħna.

Dan il-kelliem fisser kif kien biss ftit taż-żmien ilu li l-bniedem beda jistenbaħ u jinduna bl-effetti negattivi li l-attivitajiet insostenibbli tiegħu qiegħed ikollhom fuq id-dinja li ngħixu fiha. Fl-aħħar in-nies bdew jintebħu li jekk ma rridux inkomplu nagħmlu ħsara rriversibbli fl-ambjent tagħna, l-affarijiet iridu jinbidlu biex inreġġgħu lura l-ħsara li diġà saret qabel ma jkun tard wisq. 

“Attivitajiet li jagħmlu ħsara fl-ambjent, bħall-qtil insostenibbli tal-għasafar fir-rebbiegħa, diġà wasslu għall-qerda totali ta’ għadd ta’ speċi f’Malta, fosthom tal-Falkun Malti, ikona tal-kultura Maltija u tal-ħajja selvaġġa lokali. Dan l-għasfur tal-priża maestuż, razza tas-sotto-speċi Mediterranja tal-Bies, kien ibejjet fl-irdumijiet u l-widien ta’ Malta u Għawdex, sakemm spiċċa għal kollox.”

Kull meta titkellem fuq l-għasafar, l-imsaġar, spazji fil-kampanja għall-ħajja selvaġġa, l-ilma tax-xorb u t-tniġġis, trid jew ma tridx ikollok tgħid l-istess affarijiet. Hu ċar li l-ambjent abbużajnieh sal-punt li la hu u lanqas aħna ma nifilħu aktar.

Il-kuxjenza u t-tħassib tal-pubbliku dwar kwistjonijiet ambjentali qiegħed dejjem jiżdied. Dan hu grazzi għall-fatt li n-nies saru jifhmu u japprezzaw aktar l-interdipendenza tagħna man-natura. Imma hu fatt inkwetanti li r-rieda politika biex isir it-tibdil li tant hu meħtieġ fil-politiki ambjentali għadha lura ħafna, speċjalment meta mqabbla ma’ dak li x-xjenza qiegħda turina u dak li qiegħda titlob l-opinjoni pubblika. 

“Il-petizzjoni lill-gvern biex itemm il-kaċċa insostenibbli fir-rebbiegħa hi biss eżempju wieħed. Aktar minn 40,000 votant Malti ffirmaw il-petizzjoni, biex permezz ta’ referendum il-poplu jingħata s-saħħa jieħu dan il-pass pożittiv favur il-ħarsien tan-natura Maltija. Nittamaw li r-rispons politiku għal dan il-moviment popolari favur in-natura jkun wieħed pożittiv,” temm jgħid l-attivist fi ħdan il-BirdLife Malta.

More in Politika