Pubblikazzjoni ġdida ta' Heritage Malta toħroġ l-arti lil hinn mill-ħitan tal-ħabs

Heritage Malta nediet Floating Fragments: Art, Voices and Human Presence Behind the Walls, pubblikazzjoni bilingwi li tiddokumenta l-padiljun maħluq mir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għall-Malta Biennale 2026 u d-disa’ xogħlijiet personali li ffurmaw parti mill-proġett.

Heritage Malta nediet pubblikazzjoni ġdida li tiddokumenta wieħed mill-aktar proġetti artistiċi li qanqlu interess fil-Malta Biennale 2026: il-padiljun maħluq mir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-ktieb joffri ħarsa aktar dettaljata lejn id-disa’ xogħlijiet tal-arti, personali ħafna, li kienu esebiti flimkien ma’ xogħlijiet ta’ artisti stabbiliti matul il-Biennale aktar kmieni din is-sena.

Imsemmi ‘Floating Fragments: Art, Voices and Human Presence Behind the Walls’, dan il-volum bilingwi b’għadd kbir ta’ ritratti jagħlaq sensiela li bdiet bil-katalgu uffiċjali tal-Malta Biennale 2026 u li mbagħad kompliet b’volum iddedikat lill-padiljun ta’ Malta.

Dan it-tielet katalgu jiddeskrivi fid-dettall il-proġett usa’ li kien hemm wara l-padiljun tematiku tal-Malta Biennale, li kellu l-istess isem. Miktub minn esperti fil-qasam, bi wħud li mexxew il-proġett, il-paġni tiegħu jitkellmu dwar nies – individwi li qed jissieltu mal-memorja, il-vizzju, it-telfa, it-tama, il-familja u l-għarfien dwarhom infushom. Permezz ta’ intervisti sinċieri, il-ktieb juri kif il-kreattività saret lingwa għal dawk li spiss sabuha diffiċli jesprimu ruħhom bil-kliem.

Qalb tat-tafal imtaqqba bl-imsiemer saret riflessjoni fuq il-ħtija u l-uġigħ li wieħed jikkaġuna lill-għeżież tiegħu. Siġra b’għeruq li jinfirxu fuq tliet pajjiżi rrakkontat il-vjaġġ tal-ħajja ta’ migrant, filwaqt li slaleb u domni mdendlin, ta’ kuluri u daqsijiet differenti, stiednu lil dawk li ħarsu lejhom biex jirriflettu fuq kif kulħadd għandu s-salib tiegħu x’jerfa’. Kull xogħol tal-arti sar framment minn esperjenza umana akbar, u bexxaq il-bieb fuq dinja li qajla narawha.

It-tnedija tal-ktieb qed issir fl-aħħar jiem tal-wirja ‘RE:FRAGMENTS – PRESON: Presence Beyond the Walls’, li għaddejja bħalissa f’MUŻA – Il-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Komunità fil-Belt Valletta u fadlilha sal-Ħadd, 4 ta’ Ottubru. Il-wirja tkompli u tittrasforma l-proġett oriġinali ‘Floating Fragments’, u issa tistieden lill-pubbliku jinteraġixxi ma’ dawn ix-xogħlijiet fl-ispazji miftuħa tal-mużew, fejn jidħlu f’relazzjonijiet ġodda ma’ xulxin, mal-ispazju u mal-viżitaturi. Id-dħul huwa b’xejn, inkluż waqt Notte Bianca nhar is-Sibt, 3 ta’ Ottubru, meta MUŻA se jiftaħ waqt ħinijiet estiżi, mis-6:00 pm sa nofsillejl.

Il-President tal-Fondazzjoni għall-Malta Biennale u ċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, qal: “Il-padiljun tal-ħabsin jilħaq wieħed mill-miri tal-Malta Biennale. L-ewwel għan huwa d-djalogu mal-istorja, imqiegħda fil-kuntest proprju tal-mużewijiet. Iżda dan id-djalogu jintlaħaq meta, fl-istess kuntest, niddiskutu wkoll il-preżent bla xkiel. Kien xieraq li din l-esperjenza unika għall-ħabsin u għal ħafna oħrajn tiġi dokumentata f’dan il-katalgu interessanti.”


Il-pubblikazzjoni tista’ tinxtara waħedha jew bħala parti minn triloġija flimkien mal-katalgi tal-Malta Biennale u tal-Padiljun ta’ Malta, minn MUŻA jew online hawnhekk: heritagemalta.mt/store

More in Kummer?jali