Il-Bank of Valletta qed isaħħaħ l-impenn tiegħu lejn l-edukazzjoni finanzjarja permezz tal-parteċipazzjoni tiegħu fil-programm SkolaSajf 2026, li mistenni jilħaq madwar 700 tifel u tifla ta’ bejn it-tmienja u t-tnax-il sena fi 30 ċentru madwar Malta. Din hija t-tielet sena konsekuttiva li l-Bank qed jieħu sehem f’dan il-programm tas-sajf.
L-inizjattiva tintroduċi lit-tfal għal kunċetti finanzjarji essenzjali b’mod interessanti u adattat għall-età tagħhom. Is-sessjonijiet jittrattaw il-fehim tal-valur tal-flus u d-differenza bejn bżonnijiet u xewqat, kif ukoll l-importanza li wieħed ikun aqli bi flusu billi jġemma’, jonfoq bil-għaqal, kif ukoll il-kunċett ta’ baġit sempliċi. Dawn is-sensjonijiet jippromwovu wkoll il-kunfidenza fl-immaniġġjar tal-flus, imġiba responsabbli u għarfien dwar il-flus diġitali u s-sigurtà.
Fil-qalba tal-programm hemm AstroSaver, il-maskot tal-Bank għat-tfal, flimkien ma’ firxa ta’ logħob, filmati qosra u attivitajiet prattiċi. Element ewlieni tal-programm ta’ din is-sena huwa Astro Money Mission, board game interattiva żviluppata apposta għal dawn is-sessjonijiet. Din tagħti lit-tfal l-opportunità japplikaw dak li jkunu tgħallmu waqt li jaħdmu flimkien, isolvu problemi u jieħdu deċiżjonijiet.
Il-programm tal-2026 iwessa’ wkoll il-konverżazzjoni mill-immaniġġjar tal-flus għall-protezzjoni tagħhom. Uffiċjali tal-Pulizija fil-Komunità qed jieħdu sehem f’uħud mis-sessjonijiet. Huma qed jagħtu lit-tfal gwida sempliċi u prattika dwar l-iscams u sigurtà online. Is-sessjonijiet jispjegaw x’inhuma scams, jitkellmu dwar kif it-tfal jistgħu jibqgħu siguri meta jilagħbu logħob online jew jinteraġixxu fuq l-internet, u jisħqu fuq tliet passi ċari: “Ieqaf, Aħseb, Staqsi.”
It-tfal jiġu introdotti wkoll għal sinjali komuni ta’ twissija, fosthom offerti jew premjijiet li jidhru tajbin iżżejjed biex ikunu ġenwieni, messaġġi li joħolqu sens ta’ urġenza jew pressjoni, talbiet għal passwords jew informazzjoni personali, u links minn sorsi mhux magħrufa jew mhux fdati.
Il-parteċipazzjoni tal-Uffiċjali tal-Pulizija fil-Komunità tibni fuq il-ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn il-Bank u l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta. Dan il-ftehim jappoġġa inizjattivi konġunti maħsuba biex isaħħu r-reżiljenza nazzjonali kontra r-reati finanzjarji, jippromwovu l-edukazzjoni u l-għarfien pubbliku, inaqqsu l-vittimizzazzjoni u jsaħħu l-protezzjoni tal-klijenti. Din is-sħubija usa’ ġiet ippreżentata wkoll pubblikament bħala mezz biex is-soċjetà tkun f’pożizzjoni aħjar biex tirreaġixxi għal tattiċi li kulma jmur dejjem qed jevolvu tal-frodaturi u tal-iscammers.
Billi jgħaqqad l-edukazzjoni finanzjarja mal-għarfien dwar l-iscams, dan il-programm iħeġġeġ lit-tfal jagħmlu għażliet meqjusa kemm dwar il-flus kif ukoll dwar id-dinja virtwali online. L-istess drawwa li jieqfu jaħsbu qabel jonfqu, jagħrfu d-differenza bejn bżonnijiet u xewqat, u jaħsbu dwar miri fit-tul tista’ tgħinhom ukoll jagħrfu pressjoni, jistaqsu dwar talbiet suspettużi u jfittxu parir mingħand adult ta’ fiduċja.
“Kull konverżazzjoni li jkollna ma’ tifel jew tifla dwar kif iġġemma’, l-ippjanar u kif jagħmlu għażliet għaqlin tgħin biex tinbena kunfidenza li tista’ tibqa’ magħhom għal ħajjithom kollha. Permezz ta’ SkolaSajf, m’aħniex biss ngħallmu kunċetti finanzjarji. Qed ngħinu lit-tfal jiżviluppaw ħiliet li se jkunu utli għalihom fis-snin li ġejjin,” spjegat Vanessa Borg, Lead Marketing and Product Lifecycle Management fil-Bank.
L-edukazzjoni finanzjarja hija ħila importanti għall-ħajja, u konverżazzjonijiet bikrija u prattiċi jistgħu jgħinu lit-tfal jiżviluppaw drawwiet tajbin u relazzjoni pożittiva mal-flus. Permezz ta’ SkolaSajf, il-Bank of Valletta qed iwassal dawn il-konverżazzjonijiet direttament fil-komunitajiet u jippreżentahom b’mod rilevanti, u pjaċevoli għat-tfal. Dan l-approċċ jikkumplimenta l-ħidma edukattiva usa’ tal-Bank, li tippromwovi għażliet finanzjarji aktar għaqlin, drawwiet diġitali aktar siguri u kunfidenza finanzjarja aktar b’saħħitha fost it-tfal u ż-żgħażagħ.