Aktar minn 12,000 persuna mlew il-Fosos tal-Furjana matul il-lejl li għadda għall-kunċert tant mistenni tal-BBC Cocert Orchestra li għal din is-sena ħa t-titlu ta’ “ABBA vs BEE GEES”. B’hekk eluf ta’ spettaturi setgħu jiċċelebraw il-mużika ta’ tnejn mill-aktar gruppi pop ikoniċi.
Issa li wasal fis-seba’ edizzjoni tiegħu, dan l-avveniment sar wieħed mill-favoriti fost dawk li jżewqu l-kalendarju tas-sajf Malti. Fil-produzzjoni ta’ din is-sena spikkat il-BBC Concert Orchestra li kienet magħmula minn aktar minn 70 mużiċist, flimkien masSurmast u l-kantanti Natalie Paris, Nathan James, Oliver Tompsett u Kirsten Joy. Magħhom, għal din is-serata, ingħaqad ukoll il-preżentatur rinomat Brittaniku Ryan Clark.
Permezz tad-diski tant famużi ta’ dawn il-gruppi, l-udjenza qattgħet lejl tiżfen u tkanta sabiex b’hekk, il-Fosos ittrasfromaw ruħhom f’ċelebrazzjoni kbira u magħquda ta’ mużika.
Għal dawk li ma setgħux jattendu għal din is-serata live jew jixtiequ jerġgħu jesperjenzawha, il-kunċert se jixxandar fuq BBC Radio 2 nhar l-4 t’Ottubru 2026 bħala parti mill-istaġun speċjali tad-disko fuq dan l-istazzjon.
Din ix-xandira, li tilħaq miljuni ta’ semmiegħa madwar id-dinja, tkompli tpoġġi lill-gżejjer tagħna fuq pjattaforma dinjija. Barra minn hekk, tkompli tkun ta’ xhieda li pajjiżna huwa destinazzjoni li kapaċi jtella’ avvenimenti tal-ogħla livell filwaqt li joffri esperjenzi kulturali rikki għall-viżitaturi ta’ kwalità.
Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela rrimarka kif is-suċċess tas-seba’ Edizzjoni tal-BBC Concert Orchestra jikkonferma l-potenzjal li għandu pajjiżna sabiex jospita avvenimenti kulturali ta' livell internazzjonali li jsaħħu l-esperjenza turistika ta' Malta.
Saħaq li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jinvesti f'turiżmu ta' kwalità, ibbażat fuq esperjenzi awtentiċi li juru l-identità u l-kultura tagħna. “Avvenimenti bħal dawn mhux biss joffru spettaklu artistiku ta' livell għoli, iżda jattiraw viżitaturi lejn Malta, jestendu l-attività ekonomika u jkomplu jsaħħu r-reputazzjoni ta' pajjiżna bħala destinazzjoni kulturali matul issena kollha”, żied jgħid Dr Abela.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu terġa’ testendi l-gratitudni sinċiera tagħha lejn il-BBC Concert Orchestra, il-crew tekniku, partners u l-eluf ta’ spettaturi li kkontribwixxew sabiex din is-seba’ edizzjoni tkun ta’ suċċess.