Maker Faire Malta 2026 tistieden lil kreaturi, innovaturi u dawk li joħolmu u jwettqu biex jieħdu sehem

Kun parti mill-ewwel Maker Faire ta’ Malta u agħti sehmek biex turi l-kreattività, l-innovazzjoni u l-oriġinalità li jagħmlu l-komunitajiet tagħna uniċi

Maker Faire, magħrufa globalment bħala l-“Greatest Show (and Tell) on Earth”[GG2.1], se tkun qed tittella’ f’Malta għall-ewwel darba bejn it-2 u l-4 ta’ Ottubru 2026. Organizzata miċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora, ta’ Xjenza Malta fil-Kalkara,

Maker Faire Malta 2026 se tlaqqa’ flimkien inventuri, kreaturi, inġiniera, artisti, dilettanti, edukaturi, studenti u innovaturi f’ċelebrazzjoni tal-kreattività, l-invenzjoni u t-tagħlim prattiku. L-organizzaturi issa qegħdin jistiednu lil Makers minn madwar il-gżejjer Maltin biex ikunu parti minn dan l-avveniment internazzjonali uniku.

Imma x’inhu eżattament Maker?

Maker huwa xi ħadd li jittrasforma l-ideat f’realtà. Il-Makers jitgħallmu billi jibnu, jesperimentaw, jittestjaw u jtejbu. Dawn joħolqu invenzjonijiet, prototipi, xogħlijiet artistiċi, proġetti tar-robotika, soluzzjonijiet diġitali, esperjenzi interattivi u innovazzjonijiet prattiċi li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum.

Kemm jekk jiżviluppaw xi teknoloġija ġdida, jiddisinjaw xi proġett kreattiv, jibnu xi prototip, jesploraw soluzzjonijiet ta’ sostenibbiltà jew sempliċement isegwu proġett li huma passjonati dwaru, il-Makers għandhom karatteristika komuni: grinta biex joħolqu, jitgħallmu u jispiraw lil ħaddieħor.

Maker Faire Malta se tipprovdi pjattaforma biex dawn l-ideat jintwerew lil eluf ta’ viżitaturi permezz ta’ esebizzjonijiet interattivi, dimostrazzjonijiet u esperjenzi prattiċi. Mir-robotika u l-fabbrikazzjoni diġitali għax-xjenza, l-inġinerija, l-arti, l-artiġjanat u s-sostenibbiltà, l-avveniment se jenfasizza l-kreattività u l-oriġinalità li għandna fil-komunitajiet tagħna.

“Maker Faire Malta 2026 hija opportunità biex jintwerew it-talenti, il-kreattività u s-soluzzjoni tal-problemi filwaqt li tispira lil oħrajn biex jesploraw il-potenzjal tagħhom stess,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta Silvio Scerri.

“Maker Faire Malta tippermetti lin-nies juru dak li joħolqu, jitgħallmu minn ħaddieħor u jingħaqdu ma’ moviment globali mibni fuq il-kreattività u l-innovazzjoni,” qalet Mary Ann Cauchi, Senior Director fiċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza Esplora.

Il-‘Fiera’ teħtieġ ukoll kollaboraturi, inklużi istituzzjonijiet edukattivi, negozji, NGOs, organizzazzjonijiet komunitarji u entitajiet oħrajn interessati li jappoġġjaw u jikkontribwixxu għall-avveniment.

Is-Sejħa għal Makers bħalissa hija miftuħa u se tibqa’ miftuħa sal-1 ta’ Lulju 2026. Kull min hu interessat li jipparteċipa bħala Maker, esebitur, kollaboratur jew sieħeb jista’ jsib aktar informazzjoni u dettalji tal-applikazzjoni fuq https://malta.makerfaire.com

More in Kummer?jali