Mexxejja tal-UE ma jilħqux ftehim fuq budget ta’ €1.62 triljun; jiżdied ir-riskju ta’ dewmien

Il-proposta li tnaqqas €141 biljun mill-pjan oriġinali tal-Kummissjoni Ewropea ma rnexxilhiex tnaqqas id-diviżjonijiet bejn l-Istati Membri • Il-mexxejja mistennija jerġgħu jiltaqgħu f’summit speċjali fis-26 ta’ Novembru

L-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja riskju akbar li jittardja l-programm ta’ finanzjament tagħha għas-seba’ snin li ġejjin, wara li l-mexxejja tal-Istati Membri ma rnexxielhomx jilħqu ftehim fuq proposta għal budget ta’ €1.62 triljun waqt is-summit tal-Ħamis fi Brussell.

Il-proposta kienet tinkludi tnaqqis ta’ €141 biljun mill-budget oriġinarjament imressaq mill-Kummissjoni Ewropea, iżda ma rnexxilhiex tegħleb id-diviżjonijiet dwar kemm għandhom jikkontribwixxu l-pajjiżi, il-finanzjament għall-agrikoltura u l-fondi għall-iżvilupp reġjonali.

L-UE kienet qed timmira li tilħaq ftehim finali sa Diċembru, iżda n-nuqqas ta’ qbil tal-Ħamis żied id-dubji dwar jekk din l-iskadenza hijiex se tintlaħaq.

“Mhux se nilħqu ftehim dan ix-xahar. Lanqas ix-xahar id-dieħel. Lanqas naf jekk hux possibbli li nilħqu ftehim sal-aħħar tas-sena,” qal il-Prim Ministru Żvediż caretaker Ulf Kristersson.

Il-President tal-Kunsill Ewropew António Costa ilu jisħaq li l-ftehim dwar il-Multiannual Financial Framework għall-perjodu 2028-2034 għandu jintlaħaq sa Diċembru l-aktar tard.

Huwa wissa li jekk in-negozjati jidħlu fl-2027, jista’ ma jibqax biżżejjed żmien biex jitlestew il-proċeduri leġiżlattivi meħtieġa biex il-budget jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2028.

Wara li l-proposta ta’ kompromess tal-Presidenza Irlandiża ma kisbitx l-appoġġ meħtieġ, Costa mistenni jieħu f’idejh in-negozjati u jippreżenta qafas rivedut fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-mexxejja Ewropej mistennija jerġgħu jiltaqgħu f’summit speċjali fis-26 ta’ Novembru.

Il-proposta l-ġdida mistennija tipprova żżomm il-kontribuzzjonijiet nazzjonali baxxi, filwaqt li tesplora sorsi ġodda ta’ dħul fil-livell tal-UE u tħalli biżżejjed flessibbiltà għal spejjeż mhux mistennija.

Metsola twissi kontra tnaqqis fil-mezzi tal-UE

Waqt is-summit, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola wissiet li l-proposta riveduta tal-Presidenza Irlandiża tista’ ddgħajjef il-bilanċ bejn il-programmi tradizzjonali tal-UE u prijoritajiet ġodda.

“Ma nistgħux naqblu fuq l-ambizzjonijiet tagħna, nqattgħu laqgħa wara oħra niddiskutuhom, u mbagħad innaqqsu l-mezzi biex nilħquhom,” qalet Metsola.

Hija argumentat li sorsi ġodda ta’ dħul għall-UE jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu d-diviżjonijiet bejn l-Istati Membri mingħajr ma tiżdied il-pressjoni direttament fuq il-budgets nazzjonali.

Malta, iżda, diġà esprimiet oppożizzjoni għal taxxi ġodda fil-livell tal-UE biex jiġi ffinanzjat il-budget li jmiss.

Il-Prim Ministru Robert Abela kien qal waqt is-summit MED9 fil-Kroazja li d-deċiżjonijiet dwar it-taxxi għandhom jibqgħu f’idejn il-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali.

Huwa kien argumenta wkoll li l-budget il-ġdid għandu jirrikonoxxi l-isfidi ta’ stati ġeografikament iżolati bħal Malta, fosthom il-konnettività, l-enerġija bi prezz affordabbli u infrastruttura reżiljenti.

L-iskadenza ta’ Diċembru tonqos fil-piż

L-ewwel abbozzi tal-konklużjonijiet tas-summit kienu jirreferu għall-għan li jintlaħaq ftehim finali sal-aħħar tas-sena.

Madankollu, din il-formulazzjoni ġiet imtaffija f’verżjonijiet sussegwenti. Il-konklużjonijiet finali enfasizzaw li ftehim sal-aħħar tal-2026 jippermetti li l-leġiżlazzjoni meħtieġa tiġi adottata matul l-2027, biex il-fondi jibdew jaslu għand il-benefiċjarji mingħajr interruzzjoni minn Jannar 2028.

Diversi mexxejja, iżda, indikaw li ma jarawx l-iskadenza ta’ Diċembru bħala assoluta.

“Id-data ma tistax issir aktar importanti mill-kontenut,” qalet il-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni qabel is-summit, filwaqt li insistiet li l-Italja mhux se taċċetta ftehim sempliċement biex tintlaħaq skadenza.

Il-Prim Ministru Olandiż Rob Jetten esprima pożizzjoni simili, billi argumenta li ftehim tajjeb huwa aktar importanti minn wieħed mgħaġġel.

Diviżjoni bejn il-pajjiżi li jridu tnaqqis u dawk li jiddefendu l-koeżjoni

In-negozjati qed jikxfu qasma bejn żewġ blokki ewlenin.

Fuq naħa hemm grupp ta’ sitt kontribwenti netti, immexxi mill-Ġermanja, li qed jimbotta għal tnaqqis sostanzjali fl-infiq.

Fuq in-naħa l-oħra hemm il-Friends of Cohesion, grupp ta’ 17-il pajjiż, prinċipalment min-Nofsinhar u l-Lvant tal-Ewropa, li qed jipprova jipproteġi l-finanzjament għar-reġjuni anqas żviluppati.

Minkejja t-tnaqqis propost ta’ €141 biljun, il-budget taħt il-qafas Irlandiż xorta jkun madwar 30% akbar mill-qafas finanzjarju attwali tal-UE.

Dan għadu mhux biżżejjed għal uħud mill-akbar kontribwenti netti, li jqisu l-livell ta’ nfiq bħala għoli wisq.

Fl-istess ħin, lanqas iż-żewġ kampijiet ma għandhom pożizzjonijiet kompletament uniformi.

Spanja u l-Italja qed jagħtu prijorità lill-protezzjoni tal-fondi għall-agrikoltura, filwaqt li l-pajjiżi Baltiċi qed jimbuttaw għal aktar infiq fuq id-difiża minħabba t-tħassib dwar ir-Russja.

Il-Ġermanja u l-Iżvezja huma fost l-aktar pajjiżi li qed jitolbu aktar tnaqqis, filwaqt li l-Finlandja trid ukoll tipproteġi s-sussidji agrikoli.

Franza għadha ma allinjatx ruħha b’mod ċar ma’ wieħed miż-żewġ naħat, hekk kif qed tipprova tibbilanċja l-ambizzjonijiet Ewropej tagħha ma’ pressjonijiet fuq il-finanzi pubbliċi domestici.

Elezzjonijiet fl-2027 jistgħu jkomplu jikkumplikaw in-negozjati

Tħassib ieħor huwa li jekk ma jintlaħaqx ftehim sal-aħħar tas-sena, sensiela ta’ elezzjonijiet nazzjonali matul l-2027 tista’ tagħmel il-kompromess aktar diffiċli.

Elezzjonijiet huma mistennija f’diversi Stati Membri, fosthom Franza, l-Italja, il-Polonja, il-Finlandja, l-Estonja, is-Slovakkja u l-Greċja.

Franza hija meqjusa bħala każ partikolarment sensittiv minħabba l-elezzjoni presidenzjali tagħha f’April u Mejju.

Il-President Ċiprijott Nikos Christodoulides ukoll wissa li elezzjonijiet fi Spanja u fl-Iżvezja jistgħu jżidu l-kumplessità tan-negozjati jekk dawn jitwal wisq.

Huwa tenna li, fil-fehma tiegħu, ikun importanti li jintlaħaq ftehim qabel tmiem is-sena, minkejja li mexxejja oħra qed juru aktar flessibbiltà fuq l-iskadenza.

More in Kronaka