ARA | ‘Ħadd ma ġie jkellimna’: Sid ta’ ħanut f’Ħal Tarxien jibża’ għall-għajxien tiegħu wara li sfrundat it-triq
Stephen Schembri jgħid li kien ilu xhur jilmenta dwar ix-xogħlijiet u li xahrejn ilu kien wissa dwar il-periklu
minn Jaelle Borg
Sid ta’ ħanut tal-fjuri li jinsab ftit passi biss ’il bogħod mill-parti tat-triq li sfrundat f’Ħal Tarxien qed jilmenta li minkejja li ilu xhur jiġbed l-attenzjoni dwar ix-xogħlijiet li għaddejjin fl-inħawi, ħadd mill-awtoritajiet ma avviċinah wara l-inċident tat-Tnejn.
Stephen Schembri, li l-ħanut tiegħu huwa mifrud mill-parti tat-triq li ċediet b’bankina biss, qal lil din il-gazzetta li ilu madwar erba’ xhur jilmenta dwar ix-xogħlijiet infrastrutturali li ħadu fit-tul.
“Xahrejn ilu tlabthom biex jaraw x’se jagħmlu hawn għax hemm il-periklu. Issa ġej il-Milied u jibdew jiġu n-nies,” qal Schembri. Huwa sostna wkoll li dawk involuti fix-xogħlijiet kienu jafu li taħt it-triq hemm ġibjun tal-ilma li ilu jintuża mir-residenti tal-inħawi, fosthom persuni anzjani li għadhom imorru jieħdu l-ilma minnu.
Schembri qajjem dubji dwar jekk sarux l-istudji meħtieġa qabel bdew ix-xogħlijiet, filwaqt li esprima tħassib dwar il-possibbiltà li aktar interventi fiż-żona jistgħu jwasslu għal aktar ħsarat.
It-Tnejn filgħodu, parti mit-triq qrib il-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien sfrundat waqt ix-xogħlijiet infrastrutturali li għaddejjin fiż-żona, u ħalliet ħofra kbira fil-post fejn qabel kien hemm bus stop.
Gaffa spiċċat parzjalment mgħaddsa fl-ilma li kien hemm taħt it-triq. ‘Ħsibt li se jaqa’ l-ħanut ukoll’ Schembri rrakkonta kif l-impjegata tiegħu, Karen Grixti, ċemplitlu tibki hekk kif bdiet tisfronda t-triq.
“Ilbieraħ ċemplitli Karen tibki u qaltli li t-triq kienet qed tisfronda. Dak il-ħin ħsibt li anke l-ħanut kien se jaqa’,” qal. “Ġejt malajr il-ħanut. Filli kien hemm toqba żgħira u filli spiċċat kif qed tarawha llum.”
Grixti wriet lil din il-gazzetta x-xogħlijiet li għadhom għaddejjin qrib il-ħanut, fejn qed jitneħħa materjal u jintrema fi skip.
Hija esprimiet il-biża’ li x-xogħlijiet jistgħu jikkawżaw aktar ċedimenti fl-inħawi. Schembri qal li dak li l-aktar qed idejqu huwa n-nuqqas ta’ komunikazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet, hekk kif sostna li minn wara l-inċident ma mar ikellmu ħadd, la ministri u lanqas persuni responsabbli mill-proġett.
“Jien kull ma xtaqt kien li jkellimni xi ħadd. Għallinqas jagħtuni ħanut ieħor fix-xhur li kont ilni nitlob l-għajnuna, biex inkun nista’ nkompli naħdem,” qal. Huwa spjega li nefaq €85,000 biex waqqaf il-ħanut tiegħu, negozju li bena hu stess mill-bidu. “Jien self-employed, imma flok jgħinu lil min jaħdem għal rasu, ikissruh. Kieku kien xi negozju kbir kienu jgħinuh,” sostna.
Schembri qal ukoll li kull darba li pprova jfittex tweġibiet spiċċa jintbagħat minn persuna għal oħra. “Mingħand Kajfa għal għand Pilatu,” qal b’dispjaċir. Is-sitwazzjoni qed tħalli impatt ukoll fuq il-ħidma ta’ kuljum tal-ħanut. Schembri qal li nhar it-Tlieta kellhom jaslulu ħames pallets ta’ merkanzija, iżda minħabba s-sitwazzjoni barra l-ħanut lanqas jista’ jdaħħalhom.
Huwa qal li kien ingħata x’jifhem li x-xogħlijiet kellhom jitlestew sa Diċembru, filwaqt li sostna li t-Tnejn kien ippjanat li jingħata l-konkos skont dak li qalulu.
Schembri allega wkoll li waqt li hu u Grixti kienu qed jippanikjaw minħabba dak li kien qed jiġri, kuntrattur beda jidħak bihom.
“F’ħin minnhom Karen qaltlu biex aħjar jiġi jgħinna,” qal. Lil hinn mit-telf u d-diffikultajiet li qed jiffaċċja n-negozju, Schembri tkellem ukoll dwar l-effett psikoloġiku li din is-sitwazzjoni qed tħalli fuqu.
“Nitkellmu fuq is-saħħa mentali, imma dawn huma l-affarijiet li qed ikissru lin-nies,” qal.
L-awtoritajiet qed jinvestigaw x’wassal biex it-triq tisfronda
Ix-xogħlijiet fl-inħawi bdew f’Awwissu tal-2025, iżda din is-sena twaqqfu għal tliet xhur minħabba l-festa tar-raħal.
Infrastructure Malta kienet ikkonfermat li l-proġett mhux se jitlesta sal-iskadenza oriġinali ta’ Diċembru 2026.
Fi stqarrija wara l-inċident tat-Tnejn, Infrastructure Malta qalet li tinsab f’koordinazzjoni diretta mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), kif ukoll ma’ awtoritajiet kompetenti oħra.
L-aġenzija qalet li qed tagħti l-kollaborazzjoni meħtieġa lill-esperti tekniċi biex isiru l-valutazzjonijiet neċessarji u jiġu stabbiliti l-miżuri li għandhom jittieħdu biex tiġi żgurata s-sigurtà u l-istabbiltà tal-inħawi.
Infrastructure Malta żiedet li kwalunkwe intervent ieħor se jsir b’kawtela u skont l-istruzzjonijiet tal-esperti u l-awtoritajiet responsabbli.
Min-naħa tagħhom, l-OHSA u l-BCA kkonfermaw li qed jinvestigaw l-inċident sabiex jistabbilixxu x’wassal għall-kollass tat-triq u jekk għadx hemm xi riskji.
Ħadd ma weġġa’ fl-inċident tat-Tnejn.
